Elezzjoni 2022 Lokali

Ebda ċaħda mil-Labour li se jibgħat lin-negozji u lill-ħaddiema jiddejnu

Sidien ta' negozji żgħar huma fost dawk li se jiġu affetwati

Għaddew erbat ijiem minn mindu ġie ppubblikat il-Manifest Elettorali tal-Labour u s’issa ebda esponent Laburista, Ministru jew saħansitra l-Mexxej Laburista Robert Abela għadu ma ċaħad il-fatt li l-Labour qed iwiegħed li wara l-elezzjoni se jġiegħel lill-kumpaniji u lin-negozji jiddejnu mal-Gvern.

Fil-wegħda numru 174 tal-Manifest Elettorali Laburista, b’mod mill-aktar ċar iswed fuq l-abjad, jingħad li, “kull meta jinqalgħu ċirkostanzi li jħallu impatt fuq in-negozju…se jintroduċu għajnuna lill-kumpaniji li jintlaqtlu minn effetti internazzjonali u li konsegwenza ta’ dan tonqsilhom id-domanda” – din l-għajnuna se tkun self, jew aħjar dejn mal-Gvern.

“Permezz ta’ skema simili għall-wage supplement se nassiguraw dħul sa €800 fix-xahar għal sitt xhur lil kull ħaddiem”

Iżda hawn il-bużillis – hekk kif il-wegħda ttemm tgħid li “Il-kumpanija milquta tkun trid tippreżenta pjan ta’ rkupru u l-benefiċċju għandu jitħallas lura fuq medda ta’ ħames snin minn meta l-kumpanija tibda terġa’ tagħmel il-profitti.

Dan ifisser li jekk il-Partit Laburista jerġa’ jiġi elett fil-Gvern, il-wage supplement li se jkun qiegħed jagħti kawża ta’ effetti fost oħrajn tal-kriżi fil-Lvant tal-Ewropa jew saħansitra minn xi mewġa oħra tal-pandemija oħra, kumpanija tkun trid tirritorna l-flus lura lill-Gvern. Dan jgħodd ukoll għal sidien ta’ negozji żgħar u ħaddiema oħra bħas-sewwieqa tat-taxis u n-nies li jaħdmu fit-turiżmu.

Madanakollu, mkien ma kien spjegat x’jiġri fl-eventwalità li d-daqqa tkun tant kbira fuq il-kumpanija milquta li jkollha bżonn l-għajnuna għal aktar minn 6 xhur, jew jekk il-kumpanija tfalli u ma tkunx tista tħallas id-dejn lura.

Meta Net News staqsa lill-Ministru Silvio Schembri dwar din il-wegħda, huwa ħarab lejn il-karozza.

Meta staqsejna lil Ministru Clyde Caruana u qalilna “x’hemm ħażin?” Fi kliem sempliċi, Partit Laburista fil-Gvern se jibgħatek tiddejjen għaliex kif qal il-Ministru Caruana innifsu “m’hemmx bir bla qiegħ”.