Lokali

Ħarsa mill-qrib lejn l-arblu tal-Forti Sant’Anġlu

L-arblu li kellu sehem ewlieni fil-Forti Sant’Anġlu fi żmien il-ħakma Ingliża se jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni f’attività li Heritage Malta se torganizza fil-31 ta’ Marzu, li jaħbat it-43 anniversarju mit-tluq tal-aħħar truppi Ingliżi minn Malta.

Il-Ħamis, 31 ta’ Marzu, il-Forti Sant’Anġlu se jkun miftuħ bħas-soltu iżda bejn id9.30am u s-1.30pm fih se tkun qed issir attività msejħa ‘Colours at HMS St Angelo’, bil-kollaborazzjoni ta’ membri tal-fergħa Maltija tar-Royal Navy Association u bis-sehem tal-grupp tar-re-enactment Malta Command.

Fi żmien l-Ingliżi, il-Forti Sant’Anġlu kellu diversi funzjonijiet bħala Royal Navy Shore Establishment. Ta’ importanza partikolari kien l-arblu tal-injam li nħadem 110 snin ilu u li miegħu kienu jittellgħu l-bnadar tal-ammiralli, l-insinja tal-Qawwa Navali Rjali, bnadar li jindikaw it-temp, u oħrajn. L-arblu ġie restawrat ftit ilu.

Il-biljetti jinxtraw biss mill-bieb, bil-prezz normali tad-dħul għall-Forti Sant’Anġlu. Membri ta’ Heritage Malta u dawk li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn.