L-isport għandu jsir il-bandiera tal-identità tas-soċjetà tagħna u mhux sempliċiment qasam bħall-oħrajn. Gvern ġdid Nazzjonalsita jrid li jkun hemn bidla rivoluzzjonarja fil-politika tal-isport f’pajjiżna billi dan isir prijorità ewlenija għall-investiment mill-gvern u mill-privat permezz ta’ mekkaniżmi ta’ inċentivi li jħajru l-investiment lokali u barrani.
It-Tlieta filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ mat-tmexxija tal-MFA, illi minn naħa tagħhom faħħru l-proposti li qed iressaq il-PN fil-Programm Elettorali tiegħu. Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li jirrikonixxo l-fatt li l-Partit Nazzjonalista inkluda fil-programm elettorali tiegħu proposti interessanti ħafna għas-settur sportiv li jolqtu ħafna b’mod dirett lill-football.
Bernard Grech kompla jispjega l-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur fosthom li jkun hemm Arena tal-Futsal biex dan il-kampjonat jibqa’ juri l-potenzjal tal-klabbs, tal-plajers u tal-kowċis aspiranti lokali.

Gvern Nazzjonalista se jidħol f’koalizzjoni mal-għaqdiet u mal-klabbs sportivi biex kull min għandu talent jingħata l-għajnuna biex jasal u jilħaq l-aspirazzjonijiet professjonali tiegħu. Se jkun żgurat li kull min irid jipprattika dixxiplina sportiva bis-serjetà, ikun provdut bil-faċilitajiet, ir-riżorsi u l-għajnuna teknika meħtieġa. Il-proġett ta’ Skola Sport hu riflessjoni ċara tal-valur u l-potenzjal li din il-politika tista’ trendi lill-pajjiż.
Fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-settuer hemm… Ministeru ddedikat kompletament għall-isport, investiment f’diversi faċilitajiet, inċentivi fiskali kemm għall-atleti kif ukoll għall-assoċjazzjonijiet sportivi u għall-ġenituri… tisħiħ tal-infrastrutturi, investiment fl-edukazzjoni sportiva, finanzjament sabiex jissaħħaħ is-settur tal-elite sport, ħidma biex pajjiżna jieħu t-titlu ta’ gżira Ewropea tal-isport u aktar investiment f’dawk li huma l-ispecial olympics.