Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“Il-proposti tal-PN jolqtu b’mod dirett il-ħajja ta’ kull individwu”

“Il-proposti tal-PN se jkun qed jolqtu b’mod dirett il-ħajja ta’ kull individwu”.

Dan kien il-messaġġ tal-Kandidati li se jkunu qed jikkontestaw fuq it-8 distrett f’Attività Politika li saret f’Ħal Balzan.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius ħeġġeġ lil dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni biex bħal ħafna oħrajn, anke delegati tal-istess Partit, f’din l-elezzjoni jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-PN u lill-Kap tal-PN Bernard Grech. Dan għaliex pajjiżna għandu bżonn jibdel id-direzzjoni li qabad fl-aħħar snin. Agius wiegħed li l-PN se jkun qed jaħdem għall-poplu Malti u Għawdxi kollu u li huwa lest biex jilqa’ fi ħdanu lil kulħadd.

Michael Asciak li huwa kandidat fuq it-8 distrett rrefera għad-diskors tal-eks Ministru Laburista Joe Debono Grech ftit tal-ġimgħat ilu, fejn qal li l-Partit Laburista huwa l-ħalliel it-tajjeb. Asciak qal li għall-kuntrarju tal-ħalliel it-tajjeb li dan nidem, il-Partit Laburista jisraq mingħand iż-żgħir u l-batut u jagħtih lil tal-qalba. Michael Asciak qal kif il-PN se jkun qed jassigura li kulħadd jilħaq l-aħjar tiegħu, b’servizz ta’ trasport tajjeb, edukazzjoni xierqa u servizz tas-saħħa ta’ livell għoli.

Josianne Cardona Gatt qalet kif huwa nkwetanti li l-korruzzjoni qed ssir xi ħaġa normali u b’dan l-aġir diffiċli li pajjiżna joħroġ mill-grey list. Cardona Gatt qalet kif il-Partit Nazzjonalista qed joffri għaxar setturi ġodda u li l-PN jemmen fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi. Josianne Cardona Gatt qalet li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista ‘Miegħek għal Malta’ ifisser li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jgħin lil kull individwu jasal fejn jixtieq f’ħajtu.

Il-Kandidat Adrian Delia tkellem fuq is-saga tal-Vitals, każ li tkompla aktar kmieni llum fil-Qorti fejn il-Gvern illum kellu jġib il-provi li turi li dak li kien ilu jgħid hu dan jiġi miċħud. Iżda l-Gvern naqas milli jagħmel dan u minflok jixhed telgħa s-CEO tal-Industrial Park. Fil-Qorti komplew joħorġu aktar provi li wrew kif il-poplu qed ikompli jinsteraq. Adrian Delia qal kif il-poplu għandu arma waħda biex jiddeċiedi kontra dan is-serq u fis-26 jagħżel lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Beppe Fenech Adami qal kif aktar kemm qed jgħaddi ż-żmien aktar qed toħroġ biċ-ċar id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonlista, hekk kif il-PN fil-Programm Elettorali tiegħu se jkun qed jindirizza l-problemi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ, l-anzjani, dawk li jaħdmu fil-ħabs u anke tal-pulizija. Fenech Adami qal li l-PN se jkun qed jara li l-inġustizzji li seħħew matul l-aħħar snin jkunu ndirizzat u sseħħ ġustizzja. Beppe Fenech Adami fakkar kif kawża tal-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern spiċċat inqatlet ġurnalista u pajjiżna spiċċa fuq il-grey list.

Angelo Micallef qal kif il-poplu Malti u Għawdxi mhux se jkun qed jinxatar biċ-cheque li bagħat Robert Abela ftit tal-jiem ilu. Micallef qal li l-PN qed jipproponi Programm Elettorali li tindirizza l-għoli tal-ħajja u li tissaħħaħ l-edukazzjoni f’pajjiżna. Hu żied jgħid kif il-PN fil-Gvern se jkun qed jikseb lura r-reputazzjoni li kellu qabel l-iskandli li seħħew taħt dan il-Gvern. Angelo Micallef temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu l-ambjent bis-serjetà u li l-proposti li qed jagħmel verament se jkunu qed iħallu mpatt pożittiv fuq l-ambjent.

Il-Kandidat David Pace Ross, tkellem dwar kif il-grey listing li huwa tort tal-Gvern Laburista qed iħalli mpatt fuq dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjari u fil-banek. Il-grey listing qed ipoġġi taħt pressjoni fuq dawk kollha li jaħdmu f’dawn l-oqsma minħabba l-ammont ta’ burokrazzji li qed tiżdied. David Pace Ross temm iħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi b’mod speċjali lil dawk li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex jivvutaw għall-PN għaliex huwa l-unika partit li jista’ joħroġ lill-pajjiż mill-grey list.

Alex Perici Calascione li huwa wkoll kandidat fuq it-8 distrett, qal li kien hemm min ħaseb li l-Partit Nazzjonalista huwa partit mingħajr ideat u skadut iżda dan kien innegat bil-Programm Elettorali li kien mniedi ftit sigħat biss wara li bdiet il-Kampanja Elettorali. Perici Calascione qal kif il-PN fl-aħħar snin irrifletta kif is-sewwa jirbaħ żgur u li għal darb’oħra l-pajjiż għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista. Hu appella biex fis-26 ta’ Marzu l-poplu jagħmel għażla għaqlija sabiex jagħi futur aħjar lil pajjiżna.

Minn naħa tiegħu, Justin Schembri qal kif il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista qiegħed jasal tant li f’ħafna mid-djar li qed iżur, in-nies huma aktar kurjużi sabiex jinfurmaw ruħhom dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista. Schembri qal li l-PN għandu biex ikun kburi għaliex għandu viżjoni li se tkun qed tieħu lill-pajjiżna fis-snin li ġejjin. Justin Schembri temm jgħid li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija viżjoni marbuta mal-individwu u li l-PN huwa l-partit li se jkun qed jagħti opportunitá lil kulħadd sabiex jikber.

Dorian Sciberras semma kif il-proposti li għandu l-Partit Nazzjonalista ġew mingħand in-nies u l-individwi u dan seħħ grazzi għall-clusters. Sciberras indirizza b’mod speċjali liż-żgħażagħ hekk kif huwa biss il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħtihom futur fejn wieħed jista’ jimrah. Dorian Sciberras elenka l-proposti tal-PN fejn fost l-oħrajn semma l-proposta tal-metaverse, il-viżjoni fil-qasam diġitali u anke fis-settur tal-isports. Hu faħħar ukoll il-proposti għas-settur tan-negozju, bil-PN fost l-oħrajn jipproponi li fuq l-ewwel €500,000 jitħallsu biss 15% taxxa.

Il-Kandidata Julie Zahra, tkellmet fuq is-settur tal-edukazzjoni u dak tas-saħħa mentali. Zahra qalet kif hemm bżonn investiment fil-qasam tas-saħħa mentali u li hemm bżonn li tinteħħa l-istigma minn fuq persuni li jbagħtu bi problemi ta’ saħħa mentali. Zahra qalet kif huwa importanti li wieħed jitkellem dwar il-problemi tiegħu u għalhekk hemm bżonn li tinħoloq struttura fejn wieħed ikun komdu li jagħmel dan. Hi żiedet tgħid kif il-PN se jkun qed jibni sptar ġdid tas-saħħa mentali. Julie Zahra temmet tgħid li l-poplu m’għandux jivvota għall-individwu iżda għall-ġid ta’ pajjiżna.