Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“Irridu nagħtu futur aħjar lil dan il-pajjiż” – Bernard Grech

“Aħna għandna s-soluzzjonijiet għall-problemi tagħkom. Flimkien magħkom irrid nibni tama ġdid għal pajjiżna. Jien irridlek il-ġid, l-intenzjoni tat-team kollu hija li nagħtu futur aħjar lil dan il-pajjiż.” – Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza riċeviment bit-tema ‘Miegħek. Għal Malta’ organizzat mill-PN fiż-Żurrieq li għalih attendiet folla sabiħa ta’ nies. Bernard Grech saħaq li hemm bżonn il-PN għaliex mexxej bi 28,000EUR fix-xahar ma jistax jifhem is-sagrifiċċju li l-maġġoranza tal-poplazzjoni tagħmel. “Għalina l-persuna tinsab fiċ-ċentru tal-politka tagħna.”

Il-Kap tal-PN fakkar f’kemm ‘il wegħda għamel il-Partit Laburista fl-aħħar snin li ma żammx. Hu saħaq li dak mhux għaqal u politka bil-għaqal tfisser li jkollok persuna tmexxi li twettaq dak li tgħid. Bernard Grech wiegħed li hu se jżomm kelmtu, jwettaq dak li jwiegħed, “għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech tkellem dwar l-għoli tal-ħajja fejn fakkar kif il-Gvern m’għandux soluzzjoni għal din il-pjaga. Tant hu hekk li fil-manifest elettorali Robert Abela qal li se jindirizza l-għoli tal-ħajja iżda dettalji dwar kif ser jagħmel dan ma qalx. Il-Kap tal-PN fakkar kif il-partit li jmexxi hu ilu għal ħafna xhur jitkellem dwar dan is-suġġett għaliex ilu jisma’ dak li qed jgħidu n-nies. Hawnhekk, Bernard Grech spjega s-soluzzjonijiet li għandu fejn fost l-oħrajn fakkar kif Gvern immexxi minnu se jagħti fond ta’ 40 miljun Ewro lin-negozji biex b’hekk iżommu l-prezzijiet stabbli u l-familji Malin u Għawdxin jibdew jaraw l-għoli tal-ħajja jitrażżan. Dan filwaqt li l-Gvern qal li din hija problema internazzjonali u qal li ma jista’ jagħmel xejn.

Il-persuni li tkellmu ma’ Bernard Grech saħqu li qed jirċievu kontijiet tad-dawl għoljin. Hawnhekk il-Kap tal-PN fakkar kif l-Awditur Ġenerali kkonferma li hemm is-serq fil-kontijiet madanakollu, il-Partit Laburista għadu ma solviex din il-problema. Mhux hekk biss, ikkonferma li s-serq mhux ser jingħata lura. Minn naħa l-oħra, Bernard Grech saħaq bl-aktar mod ċar li Gvern ġdid tal-PN ser iwaqqaf dan is-serq u ser jagħti l-flus kollha li nsterqu fl-aħħar snin, lura lill-familji Maltin u Għawdxin.

Jakkumpanjaw lil Bernard Grech għal din l-attività kien hemm AnneMarie Grech, il-Viċi Kap David Agius, is-Segretarju Ġenerali MIchael Piccinino u l-Kandidati tal-PN fuq il-5 Distrett.