Lokali

Kawża Vitals: l-MIP kellhom ‘jgħinu l-proġett’, Projects Malta ‘biss skrivana tal-Gvern’

Seduta oħra fil-kawża mifutħa mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia kontra Vitals, kawża li issa l-Gvern ta’ Robert Abela  ħadha drawwa jixħet fuqha u fuq kif se tinqata’, kull mistoqsija li ssirlu dwar id-deal skandaluż tal-isptarijiet.

Wara li għal dawn is-snin kollha l-Gvern Laburist, l-ewwel taħt Muscat u issa taħt Abela, ddefenda l-konċessjoni skandaluża…filwaqt li jippompja ta’ kull sena għexieren ta’ miljuni lil Steward mit-taxxi tagħna, Issa qed jistenna li tkun kawża miġġielda mill-PN li ġġib lura l-isptarijiet tagħna lkoll.

Fis-seduta tat-Tlieta quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale xhedu numru ta’ uffiċjali mill-awtorità tal-artijiet u minn Projects Malta u li kienu b’xi mod involut fl-għotja tal-isptarijiet lill Vitals.

Madankollu, mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet marbuta mat-trasferiment tal-isptarijiet, ma tgħallimna xejn ġdid għajr li dawn l-entitajiet kollha kellhom l-ispaga miġbuda mill-Ministeru ta’ Konrad Mizzi u li kien il-Ministru Chris Cardona li ffirma l-endoresment għal dan it-trasferiment.

Mario Galea, li kien Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks fi żmien li l-Lands trasferiment l-isptarijet lil Vitals, qal li hu kien talab evalwazzjoni u serraħ rasu b’hekk, iżda mitlub x’kundizzjonijiet u obbligi poġġew fuq Vitals, Galea qal li issa għaddew sitt snin u ma jiftakarx. Madankollu ftakar li fuq kellu direttiva biex ‘jgħin il-proġett’.

Peter Mamo li fl-istess żmien kien Direttur tal-Lands u Kummissarju tal-Artijiet qal li t-talba oriġinali għat-trasferiment kienet saret lura fl-2014, preċiżament fid-9 ta’ Frar.

F’din is-seduta xehed ukoll James Camenzuli, li Konrad Mizzi kien ta kuntratt ta’ €90,000 għal impjieg ma’ Projects Malta, qal li hu kien għamel biss ftit xhur hemm.

Camenzuli qal li hu kien iċ-Chairman tal-kumitat ta’ evalwazzjoni fi Projects Malta, u li kien involut biss fil-proġett tal-isptarjiet u f’dak tal-art tal-ITS f’San Ġorġ.

Mistoqsi minn Adrian Delia jekk kienx iffirma xi ħaġa, Jamex Camenzuli wieġeb le, u mistoqsi allura jekk Project Malta kinitx biss skrivana tal-Gvern, huwa wieġeb fl-affermattiv.

Fis-seduta tat-Tlieta, l-avukati li kienu qed jirrappreżentaw lill-Gvern kellhom iċ-ċans jagħmlu kontroeżami lil Adrian Delia, madankollu dawn staqsew żewġ mistoqsijiet li għalihom Delia wieġeb li ma jistax jaħlef fuq xi ħaġa li ma rax b’għajdejh.

Is-seduta li jmiss issa skedata  għall-31 ta’ Mejju f’12.00 fejn mistennija jittellgħu ix-xhieda f’isem il-Gvern u l-Avukat Ġenerali.