Lokali

Konferma oħra li l-Labour qed igerfex fuq il-wegħdiet tiegħu stess

Kuljum qed ikollna konferma ġdida li l-Manifest Elettorali tal-Labour sar f’paniku, minkejja li kien Robert Abela stess li għażel li jsaffar is-suffara u jħabbar elezzjoni għal Marzu. Dan minkeja li l-Prim Ministru kien qed jgħid li se jagħmel it-terminu kollu tiegħu, jiġifieri sa’ Ġunju.

Ilbieraħ il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ sab ruħu f’kantuniera meta ffaċċjat b’dak li kiteb fil-Manifest Elettorali il-Partit tiegħu stess.

Caruana ġie mistoqsi dwar il-wegħda numru 193 li prattikament tobbliga lil kull ħaddiem jingħaqad ma’ Union mingħajr ma jkollu għażla jagħmilx hekk jew le.

Waqt l-attività organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ, Clyde Caruana qal li ma tista’ tobbliga lil ħadd ikun membru ta’ union, b’Rachel Attard mill-istess Kamra tikkoreġih u tgħidlu li l-Manifest tal-Labour qed jagħmel propju dan.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb ukoll insistiet mal-Ministru li hemm ħafna aktar miżuri importanti x’jittieħdu milli li l-ħaddiem ikun obbligat jissieħeb f’union. Skomdu għall-aħħar wara li kien għadu kemm ikkuntradixxa lilu nnifsu, Caruana prova jiġġustifika dak li nkiteb fil-Manifest tal-Labour, bi Xuereb tistaqsih jekk hux każ li fuq il-karta kitbu mod u fil-prattika se jkun mod ieħor.

Caruana ma weġibx.