Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu ħa sehem fid-djalogu bit-tema ‘Għall-futur tagħna’ organizzat mill-Kunsill tal-Istudenti tal-MCAST.
Bernard Grech qal li l-PN irid ikompli jinċentiva l-ħidma tal-istudeni u taż-żgħażagħ. Saħaq li sa minn eta żgħira kien jagħti l-kontribut tiegħu f’attivitajiet volontarju, għalhekk dan il-qasam minn dejjem kien għal qalbu. Huwa qal li filwaqt li l-flus huma importanti, mhumiex kollox… hemm affarijiet oħra li jagħtuk sodisfazzjon fil-ħajja.
Fakkar kif il-PN se jżid l-istipendji b’25% filwaqt li se jħajjar iktar żgħażagħ jieħdu sehem f’attivitajiet volontarji u jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.
Huwa qal li ż-żgħażagħ huma l-preżent ta’ pajjiżna u għanhom ħafna x’joffru lis-soċjetà tagħna. Bernard Grech qal li hemm bżonn ta’ iktar żgħażagħ li jieħdu ownership tal-issues li jkunu għaddejjin f’pajjiżna. Huwa żied jgħid li din l-elezzjoni hija l-elezzjoni taż-żgħażagħ hekk kif żgħażagħ ta’ 16-il sena qed jingħtaw iċ-ċavvetta biex jagħżlu fejn iridu jieħdu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Bernard Grech tkellem dwar il-proposti li għandu fil-programm elettorali tiegħu li se jgħinu lill-istudenti u liż-żgħażagħ fejn fost oħrajn Gvern Nazzjonalista jrid idaħħal sistema ta’ apprentistat sabiex iż-żgħażagħ ikunu preparati għad-dinja tax-xogħol. Huwa semma wkoll l-investiment li se jsir f’għaxar setturi ekonomiċi ġodda li se jkunu qed jiġġeneraw ħafna flus fil-pajjiż, joħolqu iktar impjiegi filwaqt li ma ssirx ħsara lill-ambjent. Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna porposti li se jtejbu ll-ħajja tal-istudenti u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Anthea Cachia għamlet mistoqsija lil Bernard Grech dwar x’inhu jipproponi l-PN għal dawk l-istudenti li jkunu qed jaħdmu u jistudjaw fl-istess ħin sabiex jaqilgħu l-flus. Huwa qal li l-PN ma jemminx f’politika fejn jintbagħtu ċ-ċekkijiet lejliet l-elezzjoni għax l-għajnuna ma tistax tkun token iżda għandha tingħata kull meta jkun hemm bżonnha.
Mariana Calleja saqsiet dwar is-settur tal-kultura u l-arti f’pajjiżna… settur li huwa ferm għal qalb il-Kap tal-PN Bernard Grech. Huwa qal lil-arti u l-kutra huma parti integrali minn dak li hu llum, u jixtieq li iktar ma jgġaddi iż-żmien kulħadd jinduna kemm dan is-settur jgħin biex il-bniedem jikber f’mod sħiħ. PN fil-Gvern se jgħin lil dawk il-persuni li jagħżlu lil dan is-settur bħala professjoni, dan permezz ta’ rata ta’ taxxa iktar vantaġġjuża. Proposta oħra hija għotja ta’ 500 ewro lil kull żagħżugħ li jrid jagħmel esperjenza barra minn Malta.
Misoqsi dwar l-edukazzjoni vokazzjonali, Bernard Grech qal li l-MCAST kienet ħolma tal-Partit Nazzjonalista u wettaqha Gvern Nazzjonalista… MCAST li llum saret storja ta’ suċċess. Dan kollu huwa garanzija ta’ kemm il-Partit Nazzjonalsita verament jemmen f’din l-istituzzjoni tal-MCAST… filfatt Gvern Nazzjonalista jrid jagħmel MCAST f’Għawdex filwaqt li jkun hemm iktar korsijiet speċjalizzati fl-għaxar setturi ekonomiċi ġodda li se joħloq il-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-PN qal li jrid li jkun hemm rivoluzzjoni fil-mod ta’ kif wieħed iħares lejn l-edukazzjoni.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa hekk kif Gvern Nazzjonalista jrid li jissaħħaħ il-qafas tal-prevenzjoni u l-kura għad-dijabete taħt il-kappa ta’ strateġija nazzjonali kontra l-kundizzjoni, b’enfasi fuq li jkomplu jingħataw il-Continuous Glucose Monitors lill-pazjenti dijabetiċi tat-tip 1 kollha, jingħataw l-istrippi tal-monitoraġġ b’xejn, tingħata assistenza jiddaħħlu aktar mediċini innovattivi u effettivi fil-formularju tal-Gvern li jkunu jistghu jingħataw b’xejn lil pazjenti kif ukoll li jiżdiedu aktar Diabetic Nurses fl-isptarijiet u l-komunità.
Il-PN se jfassal pjan ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kura speċjalizzata u jiftaħ ċentri tas-saħħa speċjalizzati għall-kundizzjonijiet li huma l-kawża ta’ tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja, mard u mwiet f’pajjiżna: għad-dijabete, għall-mard kardjovaskulari, għall-mard respiratorju u għad-dimensja.
Kyran Farrugia għamel domanda dwar l-ambjent… Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista se jimxi fuq il-kunċett tal-kriterji tal-ESG, fejn se jkunu ppremjati dawk il-persuni li se jimxu ma’ dawn il-kriterji, dan sabiex jitħares l-ambjent ta’ madwarna. “Irridu naħdmu lkoll flimkien sabiex jitħares l-ambjent”.
Huwa qal li fejn suppost pajjiżna bħalissa jinsab fl-aqwa żmien…. spiċċajna pajjiż greylisted filwaqt li nqatlet ġurnalista.
Mireille Grech staqsiet lil Bernard Grech dwar il-proposta li jinxtraw vetturi użati elettriċi. Huwa qal li fuq l-electric cars diġà hemm għajnuna iżda jrid li din l-għajnuna tkompli tissaħħaħ.
Fil-konklużjoni tiegħu Bernard Grech qal li jekk hemm xi ħaġa li torbot mal-viżjoni tal-PN hija li ż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm li hemm mistur ġewwa fihom. Saħaq li dak li hemm preparat fil-programm elettorali tal-PN se jwitti t-triq biex l-istudenti jirnexxu. “Dan il-pajjiż għandu bżonn Prim Miistru li jieħu d-deċiżjonijiet f’waqthom biex intom iż-żgħażagħ ikollkom serħan tal-moħħ.”
“Jien irridkom tkunu l-aħjar verżjoni tagħkom infuskom.”
//= $special ?>