Futbol Sport

Madwar 160 partitarju arrestati f’partita futbol fil-Marokk

Madwar 160 persuna, uħud minnhom fil-pussess ta’ skieken u ġebel, ġew arrestati fil-Marokk fi tmiem partita f’ġurnata ta’ vjolenza li ħalliet aktar minn 100 uffiċjal tal-pulizija midrub. Skont id-Direttorat Ġenerali tas-Sigurtà Nazzjonali l-partitarji, li kienu jinkludu 90 żagħżugħ, kienu arrestati għall-allegat involviment tagħhom f’atti ta’ vjolenza, pussess ta’ skieken, sokor, tfiegħ ta’ ġebel, kkaġunaw ħsara u ħruq ta’ vetturi .

Il-vjolenza faqqgħet fi tmiem partita tat-Trone Cup bejn AS FAR, il-klabb tal-Forzi Armati tal-Marokk ibbażat f’Rabat, u Maghreb de Fez magħrufa bħala MAS. AS FAR sfaw megħluba 2-0 u l-partitarji ultras tagħhom invadew il-pitch biex jattakkaw lill-partitarji opposti . Il-pulizija kienu attakkati fil-mument li ppruvaw jintervjenu fejn kien irrapport li 103 pulizija u 57 partitarju sfaw midruba. Kien hemm wkoll bosta ħsarat fil-faċilitajiet tal-istadium Moulay-Abdallah .

Fl-irvellijiet inħaraq mutur u 33 vettura fosthom uħud tal-pulizija . Il-Federazzjoni tal-Futbol tal-Marokk se tiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla biex tiddiskuti l-vjolenza li seħħet u eventwali sanzjonijiet. L-inkwiet li nqala’ seħħ wara li partitarji tħallew jirritornaw lejn il-grawnds tal-isports fl-aħħar ta’ Frar wara sentejn ta’ għeluq minħabba l-pandemija tal-koronavirus. Madankollu, stadiums fil-Marokk kienu xena ta’ vjolenza bejn partitarji f’dawn l-aħħar snin fejn fl-2016 kienu nqatlu żewġ partitarji.