“Lesti li nerfaw ir-responsabiltà biex lil dan il-pajjiż intuh ir-reputazzoni li jixraqlu u dan il-pajjiż intuh is-suċċess li jixraqlu. Bil-ġid li se noħolqu flimkien se nkunu qed inroddulek il-ġid li jixraqlek għaliex aħna irridu biss il-ġid lilek u l-għeżież tiegħek biex inti tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politka taħt it-tinda f’Ħal Balzan quddiem folla sabiħa li nġabbret biex tisma’ il-messaġġ tal-Kap tal-PN.
Bernard Grech saħaq li pajjiżna għandu Prim Ministru f’paniku, li qed jgħidilna li n-negozji se jkollhom jiddejnu biex ikopru l-wage supplements. Hu stqarr li anke Miriam Dalli ammettiet dan kollu għax fl-aħħar sigħat meta intervistata mill-ġurnalisti saħqet li dan se jiġri jekk ikun hawn kalamitá internazzjonali. U għalhekk il-Kap tal-PN staqsa “bħalissa x’inhu għaddej?” b’referenza għall-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna.
“Aħna konna ċari dejjem u dejjem insistejna li l-wage supplement għandu jibqa’ jingħata sakemm is-sitwazzjoni ekonomika tkun waħda b’saħħitha”, qal Bernard Grech fejn bl-aktar mod ċar iddikjara li l-PN ma jrid li l-ebda negozju jfalli, “ma rridu l-ebda ħaddiem jitlef xogħolu u ma rridu li ebda familja tbati, għaliex aħna miegħek.”
Il-Kap tal-PN appella lill-Prim Ministru biex ma jibqax iwaqqa’ l-politka għall-livel baxx li qed jipprova jwaqqaha fih. Bernard Grech saħaq li dan il-pajjiż għandu bżonn politiċi serji, maturi u iffukati fuq il-problemi tal-pajjiż “imma iktar minn hekk, iffukati fuq is-soluzzjonijiet u kif ser joħloq setturi ġodda tal-ekonomija.” Il-Kap tal-PN saħaq li fost is-soluzzjonijiet li għandu l-PN jirrigwardaw ukoll it-traffiku, fost l-oħrajn, bil-proposta tat-Trackless Tram. Il-Kap tal-PN spjega kif kull proposta li għandu għal Malta għandha fiha l-ħarsien tal-ambjent biex “kulħadd jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Bernard Grech saħaq li Robert Abela li jrid iktar saħħa ħalli jkollu Parlament li ma jwettaqx ix-xogħol ta’ skrutinju tiegħu kif hu mistenni u għalhekk “qatt daqs illum pajjiżna ma jinsab f’pożizzjoni li jrid jagħżel liema triq jaqbad.”
Matul id-diskors tiegħu, Bernard Grech, li kien akkumpanjat minn AnneMarie Grech, irringrazzja lill-folla sabiħa li nġabbret għal din l-attività politka fejn saħaq li n-nies kollha li qed jiltaqa’ magħhom u li qed jifhmu li l-PN irid il-ġid għal pajjiżna, apparti li qed ikomplu jiżdiedu, qed ikomplu jtuħ aktar enerġija biex ikompli jaħdem biex iwassal il-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex.
//= $special ?>