Lokali

53 xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

“Il-futur ta’ pajjiżna mhux għall-bejgħ! U l-ebda ħajja m’għandha qatt tkun mhedda.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni waqt velja li saret minn Repubblika fil-Belt Valletta fit-53 xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Saret referenza b’mod speċjali għall-invażjoni fl-Ukrajna fejn intqal kif il-vittmi għandhom jingħataw garanzija li l-libertà u l-kwalità ta’ ħajja tagħhom m’għandha qatt tiġi mhedda.

Waqt il-velja, uħud qabblu l-qlubija tal-Ukreni ma’ Daphne Caruana Galizia hekk kif l-istess bħalha, qed jinqatlu għaliex qed jiġġieldu għall-pajjiż li tant iħobbu… fosthom membri tal-midja li nqatlu fl-aħħar jiem fl-eqqel ta’ dan il-ġlied.

Repubblika kompliet tgħid li f’pajjiżna għaddejjin ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin… biċ-ċittadini Maltin qed jiżżefnu f’nofs dan kollu tant li qed jispiċċaw vittmi tal-ħażin.

Dawk preżenti saħqu kif il-biża’ tista’ żżommok priġunier, iżda t-tama tista’ teħilsek minn kull sitwazzjoni.