Lokali

F’jum il-funeral ta’ Mario Azzopardi, ħassieb, awtur, għalliem u poeta

Għażiż Mario…

Kemm hu diffiċli ssib il-kliem meta titlef ħabib. Speċjalment meta minkejja li tkun ilek ma tarah u ma tkellmu, ikun ħabib għażiż.

Hekk ħassejtni l-Ġimgħa filgħodu kif ħadt l-aħbar li Mario Azzopardi ħalliena. Tisma’ l-aħbar u ma tkunx trid temminha. Tibda tittama li xniegħa falza. Imma mbagħad il-kelma timxi, illum b’veloċità ferm akbar minn qabel, u jkollok temmen dak li ma tridx.

Ma kinetx biss il-letteratura fl-aqwa forma tagħha li tlifna mal-mewt ta’ Mario. Għax Mario ma kienx biss awtur, ma kienx biss poeta, ma kienx biss għalliem, ma kienx biss ħassieb intellettwali pereċċellenza li ta kontribut kbir bil-kitba tiegħu fil-ġurnali kollha ta’ pajjiżna u anki f’rivisti barranin. Ma kienx biss opinjonista kapaċi jifforma ħsieb fuq kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx u jpoġġih fuq karta biex jaqsmu ma’ ħaddieħor.

Mario kien, fuq kollox, il-ħabib tal-qalb li wieħed seta’ jsib fih spalla meta l-piż li toffri l-ħajja kultant fil-vjaġġ ta’ ħajtek tħossu tqil wisq. Kien kapaċi jagħti widen, jisma’ mingħajr ma jinterrompi, jiżen dak li tgħidlu, u jagħtik pariri siewja, frott l-għerf tiegħu imma wkoll frott l-altruwiżmu tiegħu. Aspett fil-karattru ta’ Mario li mhux bilfors esperjenzah kulħadd, imma min kien jafu mill-qrib jaf x’qed ngħid.

Kont nistennieh, għal snin, nhar ta’ Sibt filgħodu jittawwal fl-uffiċċju tiegħi d-Dar Ċentrali meta kont deputat editur ta’ Il-Mument u wara li jqatta’ madwar siegħa jew aktar jitkellem fuq dak kollu li jkun għaddej, mhux biss fil-kamp politiku imma anki dak teatrali u dak purament personali, qabel jitlaq kien jgħarrex biex jara jsibx xi gazzetta li tinteressah, xi magazin li nkun warrabt jew xi ktieb li stajt nirregalalu. Ritwal li kien jirrepetih fl-uffiċċju tal-editur Victor Camilleri, li minnu qatt ma ħareġ b’idu f’idu għax Victor kien dara jġib miegħu mid-dar għal Mario xi gazzetti barranin b’magazins magħhom li tant kien japprezza, fosthom dawk maħruġa mat-Times ta’ Londra. Mill-qari Mario baqa’ jkattar l-għerf tiegħu, persuna li dejjem għallmet li l-proċess tal-għarfien u t-tagħlim hu wieħed bla tmiem, sal-mewt.

Għaddew is-snin, imma nibqa’ niftakar it-tislima partikolari tiegħu hekk kif kien jitfaċċa bla ħoss quddiemi s-Sibt filgħodu: “Awww sieħbi”. U kont nieqaf minn dak li nkun qed nagħmel u niddedika ftit ħin għalih, u hu għalija.

Meta, snin wara, mort inżuru l-ewwel darba fid-dar tal-anzjani tal-Mosta, bqajt issummat meta ntbaħt li ma kienx għarafni. Kif jista’ jkun! Tbikkimt, imbagħad ġie f’moħħi ngħidlu l-espressjoni li min jaf kemm-il darba kien qalha lili: “Awww sieħbi”. U fil-pront ħares f’għajnejja u b’leħen baxx qalli: “Int Joe Cassar.”

Ma nistħix ngħid li bkejt meta ħriġt mill-kamra tiegħu, impressjonat ukoll bix-xbieha tal-Kurċifiss u xi żewġ jew tliet santi mdawrin miegħu fuq is-sodda tiegħu.

Imbagħad kont erġajt żortu ma’ ħabib ieħor tiegħi u tiegħu, Roger Degiorgio, u qalbi ħebritni li dik kellha tkun l-aħħar darba li rajtu. Għax meta dan l-aħħar kont qed niftiehem ma’ Alex Attard, editur ta’ din il-gazzetta, biex immorru nżuruh, ma kontx konvint li kelli mmur meta qaluli kif kelli nistenna li nsibu. Għax lil sieħbi Mario nippreferi niftakru fi żminijiet aħjar, mimli ħeġġa għall-kitba daqskemm għall-qari. Intellettwali li l-ħsibijiet tiegħu ma ħallihomx fgati ġo fih, kif sfortunatament jagħmlu bosta intellettwali oħra, imma ma ddejjaq qatt jesprimihom pubblikament, minkejja r-riskji tal-kritika, tal-insulti, tal-ġudizzji, ħafna drabi żbaljati, fil-konfront tiegħu.

Meta s-soċjetà tagħna titlef nies bħal Mario Azzopardi, l-istess bħalma ġara meta tilfet lil ħabib ieħor tiegħi u tiegħu Oliver Friggieri, ma tibqax l-istess. Għax l-impressjoni tiegħi hi li s-soċjetà tagħna llum m’għadhiex tipproduċi wisq bħalhom. Il-vantaġġ hu biss li nies bħal dawn ma jmutux għalkollox. Għax il-wirt li jħallu warajhom, b’kitbiethom mimli għerf, jibqa’ magħna. Kif jibqgħu t-tifkiriet sbieħ ta’ min kellu x-xorti jkun jafhom mill-qrib.

Insellimlek sieħbi, għażiż Mario.

Kitba ta’ Joe Cassar