L-iżvilupp urban bla rażan f’dawn l-aħħar snin ħoloq pressjoni kbira fuq l-ambjent ta’ madwarna. Dan kellu impatt sinifikanti fuq il-kwalitá tal-ħajja ta’ kulħadd b’detriment fuq il-fibra tal-komunitajiet tagħna. Għaldaqstant irridu niksbu u nagħtu lura spazji miftuħa lin-nies bħala pulmuni ambjentali f’żoni urbani waqt li nħarsu l-ambjent rurali.
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet Ambjentali.
Bernard Grech semma kif il-Partit Nazzjonalista diġá wiegħed, li se jagħmel eżerċizzju li kull sena l-gvern iżid 50,000 metru kwadru ta’ art pubblika maż-żoni meqjusin barra miż-żona ta’ żvilupp. Kif ukoll li sabiex art li hija barra miż-żona ta’ żvilupp tiddaħħal fiż-żoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terżi tal-Parlament.
Akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali, Robert Cutajar, Janice Chetcuti, Alex Mangion u Karl Gouder, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn jidħlu spazji miftuħa.
Huwa semma kif:
- Neqilbu d-defeċit ħadrani fil-komunitajiet billi ntejbu l-landscaping u nirriġeneraw meded ta’ art mitluqa.
- Inniedu inizjattivi li jsaħħu landscaping ħadran fid-djar u f’żoni urbani.
- Noħolqu fond nazzjonali biex proprjetajiet u ġonna storiċi li bħalissa huma tal-privat isiru ta’ kulħadd. Nixtru lura proprjetajiet privati ta’ natura storika fil-lokalitajiet, speċjalment dawk li għandhom ġonna mdaqqsa bl-iskop li jitħarsu minn żvilupp – u fl-istess ħin joħolqu ġonna u spazji pubbliċi għal-familji.
- Inwettqu proġetti ta’ parks nazzjonali f’diversi partijiet f’Malta u Għawdex intiżi biex joħolqu spazji miftuħa maġġuri għat-tgawdija tal-poplu.
- Nidentifikaw imqar żona waħda pedonali għal kull lokalita’ b’konsultazzjoni mar-residenti, komunitajiet kummerċjali u mal-kunsilli lokali biex f’kull lokalità tiġi identifikata minn tal-inqas żona waħda fiċ-ċentru tal-lokalità li tinbidel f’żona pedonali li tagħti nifs importanti lil-lokalitajiet billi jonqsu l-vetturi u l-emissjonijiet, jiżdiedu l-ispazji miftuħa għall-komunità, titjieb il-kwalità tal-arja, jiġu mħawwla aktar siġar u landscaping biex jitjieb il-green score tal-lokalità.
- Ninċentivaw permezz ta’ tax credits lil dawk l-intrapriżi li jiffinanzjaw proġetti ta’ afforestazzjoni jew landscaping fil-lokalitá minn fejn joperaw.
- Nużaw materjali sostenibbli għal karreġjati rurali.
- Nibdew diskussjoni nazzjonali dwar il-liberta’ li nimirħu fil-ispazji miftuħa. B’rabta ma’ dan titfassal u tibqa’ tiġi aġġornata mappa tal-passaġġi pubbliċi kollha, bil-għan li ir-rotot tal-mixi jibqgħu jiġu estiżi.
- Niżviluppaw tree map tas-siġar kollha fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex u jingħata green score fuq livell ta’ komunita’ ghal kull lokalita f’Malta u Għawdex, li jservi bħala bażi ta’ kejl oġġettiv. B’hekk nagħtu priorità lit-tħawwil ta’ siġar fl-ibliet fejn l-iktar li jeżisti defiċit ambjentali, kif ukoll niżguraw li l-ispeċi li jitħawwlu jsiru b’mod għaqli u maħsub.
- Flimkien mas-settur privat fil-komunitajiet isir investiment biex f’kull skola f’Malta u Għawdex jitħawlu nursery tas-siġar li tiġi indukrata mit-tfal stess, b’kull tifel u tifla jkollhom is-siġra ‘tagħhom’.
- Ninċentivaw finanzjarjament inizjattivi ambjentali u green landscaping fid-djar residenzjali, b’mod li nsebbħu l-lokalitajiet fejn ngħixu.