Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li t-taħditiet għall-paċi mar-Russja qed isiru ‘aktar realistiċi’ fost indikazzjonijiet li l-qawwiet ta’ Moska – minkejja l-bumbardamenti kontinwi fuq l-ibliet Ukreni – sa ftit ġranet oħra jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jkomplu din il-gwerra bl-istess intensità.
Fil-fatt, ir-Russi baqgħu jitilfu numru allarmanti ta’ militar – minn suldati bil-lieva sa Uffiċjali ewlenin tal-Armata– fost il-ġlied għall-kontroll ta’ bliet bħal Mariupol, Kharkiv u Khserson.
Dan waqt li l-bumbardamenti – bl-artillerija u ajruplani tal-gwerra — komplew fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, fejn qed jidher li l-avvanz tal-Armata Russa staġna mill-ġdid quddiem ir-reżistenza tal-qawwiet Ukreni. Madankollu, l-Armata Russa kompliet tispara r-rokits lejn il-blokok tal-appartamenti fil-kapitali Ukrena – bl-awtoritajiet lokali, issa, jimponu curfew fuq il-belt.
L-indikazzjonijiet li r-Russja qed titlob l-għajnuna diretta mingħand iċ-Ċina biex tkompli b’din il-gwerra qegħdin juru wkoll li l-militar tal-President Russu, Vladimir Putin, jinsab pjuttost ‘xott mir-riżorsi’ għat-tkomplija tal-konflitt. Iżda fl-istess ħin, mhux eskluż li Putin – minkejja t-telf ‘terribbli’ tas-suldati– xorta kapaċi jutilizza aktar riġmenti u diviżjonijiet tat-tankijiet bħala reinforzi għall-qawwiet tiegħu li qed isibu l-problemi fiz-zoni ta’ konflitt.
//= $special ?>