Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-biljunarji ‘ħbieb ta’ Putin’ – fosthom Roman Abramovich – jistgħu ma jirritornaw qatt fir-Renju Unit

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin qalet li l-biljunarji Russi — ħbieb ta’ Vladimir Putin — li nħatfulhom il-proprjetà fir-Renju Unit jistgħu ma jitħallew qatt jirritornaw f’dan il-pajjiż.

Wieħed minn dawn hu l-eks sid ta’ Chelsea FC, Roman Abramovich, li hu fost ir-Russi prominenti li spiċċaw suġġetti għas-sanzjonijiet tal-Punent relatati mal-gwerra fl-Ukrajna.

L-indikazzjonijiet huma li Abramovich – fost il-ħafna assi tiegħu u l-ħbiberija kbira personali mal-President Russu Vladimir Putin – hu assoċjat ewlieni tal-grupp Evraz li hu manifattur ewlieni tal-azzar li qed jintuża għall-produzzjoni tat-tankijiet tal-gwerra involuti fl-invażjoni tat-territorji Ukreni.

Sadanittant, is-Segretarju Liz Truss qalet li ‘dawk is-sinjuruni li appoġġjaw lill-President Putin iridu jħallsu l-prezz dovut’ anki jekk tintemm il-gwerra fl-Ukrajna.

Hi issuġġeriet li l-assi ffriżati tal-biljunarji Russi – oligarki – qrib ta’ Putin kapaċi jkunu investiti fil-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Dan fost sinjali li r-Renju Unit qed jaħseb biex jimponi dalwaqt is-sanzjonijiet fuq aktar oligarki Russi li jinsabu ‘fuq il-lista ta’ Londra.’

Dan waqt li li Truss qed twettaq pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea biex iżżid is-sanzjonijet fuq il-banek tar-Russja bħala parti minn impenn internazzjonali biex ‘il-finanzjaturi tal-gwerra fl-Ukrajna ma jkunux jistgħu  jaħbu l-ġid tagħhom’.

Ir-Renju Unit u diversi pajjiżi tal-Punent qegħdin ifasslu pjan biex il-biljunarji sħab ta’ Putin li għandhom ‘idejhom imċappsin bid-demm’ ma jsibu ‘l-ebda mezzi leġittimi’ biex jgħixu l-ħajja lussuża li draw bis-saħħa tal-‘flus maħmuġin’. Lanqas mhuma se jkunu jistgħu jużaw l-ajruplani u l-jottijiet privati tagħhom biex isiefru minn pajjiż tal-Punent għall-ieħor

Qed jingħad li Roman Abramovich – li sar isem famuż madwar id-dinja wara l-akkwist tal-klabb tal-futbol ta’ Chelsea fl-2003 – issa jinsab ir-Russja wara li vvjaġġa għal hemm bl-ajruplan minn Iżrael u wara li kellu jieqaf għal xi żmien fit-Turkija.