Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: In-negozjati żvelaw diżgwid dwar il-kunċett tan-‘newtralità’

Uffiċjali fi Kiev qalu li t-taħditiet mar-Russi, minkejja ‘il-kontradizzjonijiet fundamentali’, qegħdin iħallu spazju għal kompromess.

Fil-fatt l-osservaturi huma ottimisti li jekk l-Ukrajna tkompli b’dan il-livell ta’ reżistenza, kapaċi, ‘il quddiem, isiru taħditiet għall-paċi ‘konkreti’ bejn il-Gvern ta’ Zelensky u Moska.

Anki r-Russja qalet li hi u l-Ukrajna ‘jinsabu qrib ta’ ftehim dwar ċerti elementi relatati ma’ patt għall-paċi’ u fost il-konsiderazzjoni ta’ ‘status ta’ newtralità’ għal Kiev.

Mill-banda l-oħra, l-Ukrajna ma tidhirx lesta li taċċetta n-newtralità, bil-President Zelensky isejjaħ għal ‘paċi ġusta’ li ma tinvolvix sitwazzjoni fejn pajjiżu jaċċetta bil-fors xi ultimatum minn Moska. Dan sar magħruf wara li Zelensky qal li pajjiżu ‘għandu jaċċetta’ li mhux se jsir membru tan-NATO’ – b’din l-istqarrija wkoll kapaċi twitti t-triq għal forma ta’ ftehim għall-paċi mar-Russja.

Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal, madankollu, li l-kunċett tan-newtralità għal Kiev qed ikun ‘diskuss serjament’ waqt li ssuġġerixxa li dan għandu jkun kompromess aċċettabbli għall-Kremlin. Lavrov spjega li Vladimir Putin, jiem ilu, kien tkellem dwar in-newtralità, flimkien ma’ ‘garanziji ta’ sigurtà għall-Ukrajna mingħajr it-tkabbir tan-NATO’ bħala kundizzjonijiet li kapaċi jwasslu għat-tmiem tal-konflitt.