Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky jappella mill-ġdid għal no-fly zone waqt diskors lill-Kungress tal-Istati Uniti

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, reġa’ appella biex il-Punent jinforza no-fly zone fuq pajjiżu bil-għan li jonqsu l-vittmi ċivili ta’ din il-gwerra.  Hu sostna – waqt diskors b’videolink lill-Kungress Amerikan — li l-poplu tiegħu qed isofri ‘terrur mill-ajru’, fost talba ġdida għas-sistemi tad-difiża neċessarji flimkien ma’ ‘ajruplani tal-gwerra li jipproteġu l-libertà tal-Ukrajna.’

Zelensky, waqt id-diskors, saħaq li ‘l-attakk tal-qawwiet Russi mhux qed isir biss kontra pajjiżu iżda jinvolvi offensiva brutali kontra l-valuri tal-Ukreni’. Il-President Ukren qal ukoll li poplu Ukren, minkejja li qed isofri x-xita tal-bombi, ‘ma kkunsidrax għal sekonda li jċedi lir-Russja’ u meta l-istess Ukreni ‘ilhom l-aħħar tmien snin jirreżistu l-aggressjoni tar-Russi’.

Il-pajjiżi tan-NATO, s’issa, rrifjutaw li jimponu no-fly zone fuq l-Ukrajna minħabba l-possibbiltà li jeskalaw il-kriżi, fost sogru ta’ gwerra mar-Russja.

Intant, Zelensky qal li hu grat lill-Istati Uniti għall-appoġġ tagħha lil pajjiżu iżda ħeġġeġ biex il-Kungress Amerikan joħroġ aktar sanzjonijiet ‘sakemm iwaqqaf il-magna tal-gwerra tal-Kremlin’.  U filwaqt li sejjaħ biex il-Kungress ta’ Washington iwettaq pressjoni akbar fuq il-kumpanniji Amerikani kollha biex joħorġu immedjatament mis-swieq tar-Russja – Zelensky insista li ‘il-paċi hi aktar importanti mill-ġenerazzjoni tal-flus’.