Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad talba biex kandidati u aġenti tal-Partit Abba mhux imlaqqma jidħlu fis-sala tal-għadd tal-voti

L-Imħallef Francesco Depasquale ma laqax mandat ta’ inibizzjoni li sar mill-Partit Abba fil-konfront tal-Kummissjoni Elettorali u ċ-chairperson tagħha, Joseph Camilleri biex kandidati u aġenti tal-partit li ma jkunux imlaqqma kontra l-Covid 19 jitħallew jidħlu fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.

Il-Partit Abba għamel din it-talba fid-dawl ta’ intervista li ta Camilleri fuq l-istazzjoni nazzjonali li fiha semma ftehim bejn id-delegati tal-partiti kollha li l-kandidati u l-aġenti li kien se jieħu sehem fil-proċess elettorali jridu jkunu imlaqqama kontra l-pandemija.

IOċ-Chairperson tal-Kummissjoni qal li hu kien se jimponi biss restrizzjonijiet maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-Kummissjoni qalet li se timxi skont id-direzzjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fosthom li d-dħul fis-sala tal-għadd tal-voti jista’ jsir biss biċ-ċertifikat tal-vaċċin jew permezz ta’ ‘rapid test’ negattiv li jittieħed 48 siegħa qabel.

L-Imħallef Francesco Depasquale minn naħa tiegħu qal li skont il-liġi, il-Partit Abba m’għandux jedd li jinnomina d-delegati tiegħu fil-kummissjoni għax ma kienx rappreżentat fil-Parlament meta ssejħet l-elezzjoni ġenerali għas-26 ta’ Marzu.

L-Imħallef qal ukoll li persuni li mhumiex imlaqqma mhuma bl-ebda mod se jiġu ddiskriminati. Żied jgħid ma jidher minn imkien li l-Partit Abba se jkun b’xi mod ippreġudikat b’xi deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali. Kien għalhekk li ġiet miċħuda t-talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ indibizzjoni u rrevokat id-digriet li kienet tagħat mal-preżentazzjoni tal-mandat li fih kienet laqgħet proviżorjament l-istess mandat.