Elezzjoni 2022 Lokali

“Il-vot tiegħi qatt mhu se jieħdu!”

Laburisti urtati għal Fearne u Abela

“Ministru, int weġġgħajtni…il-vot tiegħu qatt mhu se jieħdu…aħna Labour u żgur mhux se nivvutaw”.

Huma dawn uħud mill-mijjiet ta’ kummenti li dehru fuq il-media soċjali fl-aħħar sigħat, wara li d-Deputat Prim Ministru ħareġ jgħid li ma jaf lil ħadd li se jdawwar il-vot tiegħu.

Apparti kritika enormi lejn Chris Fearne, ħafna oħrajn attakkaw ukoll lil Robert Abela għall-fatt li inqata’ minn man-nies.

Fuq il-paġna tal-gazzetta ‘Illum’ fuq Facebook, partitarju Laburista kiteb hekk: “ilkom 9 snin …u lilna l-Laburisti imqar tajtuna qatra, miskom tistħu! Sewwa li qal Zammit Lewis li l-Laburist ġaħan, imma mhux se nagħtikom il-vot”.

Ieħor qal illi kif imxew miegħu d-deputat tas-6 Distrett, jasal ma jivvutax lil-Labour – f’botta diretta lil Robert Abela illi daħal fil-Parlament propju bil-voti ta’ dawn il-kostitwenti.

Partitarju ieħor insista – “din id-darba mhux se tidħku bija!”