Sport Sport Ieħor

Jordan Gusman u Carla Scicluna fis-Serbja għall-Kampjonati Dinjija Indoor

L-atleti nazzjonali Carla Scicluna u Jordan Gusman jinsabu f’Belgrad fis-Serbja biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Dinjija tal-Atletika Indoor.

Fost il-parteċipanti f’dan l-avveniment hemm rebbieħa ta’ 12-il midalja tad-deheb fl-aħħar Olimpjadi, fosthom Mondo Duplantis (Pole Vault), Jakob Ingebrigtsen (1500 metru), Yulimar Rojas (triple jump) kif ukoll Marcell Jacobs (60 metru).

Madwar 680 atleta minn 137 pajjiż se jieħdu sehem fl-avvenimenti kollha matul din il-ġimgħa, biż-żewġ atleti Maltin mistennija jidħlu fl-azzjoni l-Ġimgħa filgħodu. Carla Scicluna se tipaprteċipa fis-60 metru sprint filwaqt li Jordan Gusman se jieħd sehem fit-3000 metru.

Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech se jkun qed imexxi d-delegazzjoni Maltija. Hu ddeskriva l-parteċipazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atleti fil-Kampjonati Dinjija bħala “mument fejn l-atletika Maltija qed titpoġġa fuq l-għola livell ta’ dan l-isport”. Grech spjega li “din hija l-ewwel darba li atleta Malti – Gusman – qed jikkwalifika għal kompetizzjoni ta livell dinji fuq mertu tal-ħinijiet li kiseb.

Min-naħa l-oħra, għal Carla, talent żagħżugħ u emerġenti, din hija opportunità unika biex tisfida lilha nfisha fuq l-aqwa livell u tikseb esperjenza kruċjali għall-iżvilupp tagħha bħala waħda mill-aqwa sprinters femminili Maltin”.