Somalu nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li importa 8 kilos khat bil-posta. Abdisalam Arab Mousa ta’ 50 sena, residenti l-Marsa, tressaq taħt arrest quddiem il-maġistrat Gabriella Vella mill-Ispettur Marshall Mallia, akkużat li importa s-sustanza mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa.
Mousa, li fil-Qorti ngħad li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 16-il sena, kien ġie arrestat fl-14 ta’ Marzu. L-Ispettur Mallia qal lill-Qorti li l-pulizija kienet interċettat pakketti li kien fihom 8 kilos khat, stimulant ipprojbit u li huwa popolari fis-Somalja, u li ntbagħat Malta bil-courier.
Il-pulizija arrestaw lill-imputat u sussegwentement sabet informazzjoni inkriminanti fuq il-mobile tiegħu, li saret konnessjoni mal-pakketti inkwistjoni, ingħad lill-Qorti. Huwa wieħeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukati difensuri tal-akkużat Franco Debono u Francesca Zarb talbu l-libertà proviżorja, filwaqt li rrimarkaw li l-akkużat kellu rabtiet qawwija ma’ Malta, fejn ilu jgħix 16-il sena, u li kien ikkopera mal-investigazzjoni tal-pulizija.
L-Ispettur Mallia oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, u semma biża’ li jista’ javviċina xhieda ċivili qabel ma jixhdu u argumenta li r-raġel ma kellux rabtiet suffiċjenti mal-pajjiż. Il-qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja, u talbet lill-prosekuzzjoni tħarrek lix-xhieda ċivili kollha tagħha fl-ewwel opportunità