Wara li ftit tal-jiem ilu, Robert Abela qal li l-gwerra mhux se teffettwa lil pajjiżna, fl-ewwel kelmtejn tiegħu dalgħodu qal li dan il-kunflitt se jkun sifda oħra wara l-pandemija.
F’dibattitu bejn il-Mexxej tal-Partit Laburista u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, Abela deher qed jipprova jilqa’ għal dak li ġej wara li l-ġimgħa li għaddiet saħaq li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma teffetwanix.
Intant, mistoqsi dwar il-wegħda tal-Labour li jobbliga lill-ħaddiema kollha li jissieħbu f’Union, il-mexxej Laburista qal li din hija waħda mill-materji li kienet diskussa mal-MCESD u li tibni fuq il-liġi industrijai ta’ pajjiżna li kull ‘ħaddiem jista’ jissieħeb ma’ union. B’Abela stess jikkontradixxi dak li kiteb jew kitbulu fuq il-Manifest tiegħu li ma jħallix lill-ħaddiem liberu dwar sħubija f’union.
Il-Mexxej tal-Labour kien qed iwieġeb għall-kritika qawwija li rċieva ftit tal-ħin qabel propju mill-istess Kamra tal-Kummerċ, mill-MEA u mill-Kamra tal-SMEs li waqt konferenza tal-aħbarijiet iffukata preċizament fuq din il-wegħda deskritta bħala rigressiva minnhom li qed jagħmel il-labour u li tikser kull dritt tal-ħaddiem. Iżda hu baqa’ ma kkommettiex li jneħħi din il-proposta u ddefenda din il-wegħda filwaqt li attakka lit-tliet entitajiet u qalilhom li dan huwa ‘attakk partiġġjan’.
Mistoqsi għalfejn dawk fin-negozju għandhom jagħżlu lill-Labour fl-elezzjoni li jmiss hu semma proposti kkuppjati minn fuq il-Programm Elettorali tal-PN filwaqt li evita għal kollox li jgħid li f’każ ta’ kriżi oħra, se jkun qed jibgħat lin-negozji jiddejnu.
Għal mistoqsija serja ferm tal-Kamra ta;-Kummerċ dwar l-isfidi li ser ikun qed jiffaċċja pajjiżna fix-xhur li ġejjin, il-Prim Ministru rrikora għas-solitu attakki tiegħu fuq il-Kap tal-PN u tweġibiet li ma taw l-ebda serħan il-moħħ lil min kien qed jisimgħu. Il-Kamra tal-Kummerċ kienet qed issaqsi. dwar l-imkpatt tal-gwerra, l-għoli tal-fuel, u l-pass li jmiss ta’ armonizzazzjoni tat-taxxi. Iżda Abela ntilef f’attakki pwerili li saru sinonimi tad-diskorsi kollha tiegħu, u naqas milli jagħti tweġibiet serji.
MItlub jgħid kif se jsaħħaħ in-negozji, Abela naqas li jsemmi mqar settur ekonomiku wieħed ġdid li se jgħin itejjeb l-ekonomija tal-pajjiż.
Dwar il-proposta tal-PN tat-Trackless Tram, aktar attakki bla bażi, imma dwar il-fatt li nhar it-Tnejn li għadda pajjiż sħiħ iġġammja għal sitt sigħat, minkejja s-€700 miljun li nefaq minn fondi Ewropej biex wessa’ t-toroq, farfarha ħelu ħelu fuq l-inċident. U dwar li-metrò li suppost jitlesta xi 20 sena oħra – dejjem jekk, skont il-Manifest tal-Labour stess dan ‘ikun viabbli’, ma qal assolutament xejn.
Il-Kamra tal-Kummerċ staqsiet dwar stqarrija li kien għamel hu stess li taħt il-Labour ‘ma kienx hemm każ wieħed ta’ governanza ħażina’. Il-mistqosija kienet ‘possibbli li ma kienx hemm każ wieħed? It-tweġiba ta’ Abela – għamilna ħafna. Il-mistoqsija magħmula lilu, għaldarboħra, ma weġibhiex.
Mistoqsija oħra: ‘il-Ministri tiegħek għandhom joqgħodu attenti mill-klijenteliżmu?’ It-tweġiba ta’ Robert Abela ‘għandna nbiddlu d-distretti.
Robert Abela prova joħroġ mill-kontroversja tal-permess tas-Sannat u ried donnu jagħti x’jifhem li dan il-permess issa jista’ ma jinħariġx. Dan wara li hu mar jiekol mal-iżviluppatur imsemmi jiem qabel ma nħareġ il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp ta’ 125 appartament f’din iż-żona.
Il-Mexxej Laburista għażel li jgħalaq kif fetaħ – jiġifieri b’attakki partiġġjani fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u kkritika l-proposta li Gvern ġdid Nazzjonalista jżid l-art protetta mill-iżvilupp. Dan filwaqt li qal li l-Awtorità tal-Ippjanar ma għamlitx żbalji fl-aħħar disa snin ta’ Gvern Laburista għax qal li kien hemm ‘framework legali’ u allura ma kienx hemm żbalji.
Intant wara li kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li fakkar li pajjiżna għadu qed jipprova joħroġ mill-greylist li daħħalna fiha Gvern Laburista, Robert Abela konvenjentment għażel li jixħet fuq il-banek it-tort ta- eżerċizzji regolatorji riġidi li daħlu minħabba l-ħsara kbira li għamel il-Gvern tiegħu stess, filwaqt li konvenjentement għażel li ma jlissen qatt il-kelma ‘greylist’.
U wara li għamel kampanja sħiħa iddieħaq bil-prosposti tal-PN li jinċentivaw kumpaniji li jkunu konformi mal-ESG, għal mistoqsija dwar kif se jiżgura li jkun hemm aktar sforz fejn tidħol il-kwalità, spiċċa jgħid li l-Partit Laburista huwa ffukat fuq l-ambjent u negozji ta’ kwalità. Dan filwaqt li werwer lin-negozji li jridu jilħqu l-kriterji tal-ESG minflok ħeġġiġhom jilħqu dan il-livell tant prestiġġjuż.
Għal mistoqsija dwar id-defiċit li sploda f’pajjiżna, Robert Abela qal li hu jitkellem bin-numri. Imma mbagħad qal li ma kienx jagħmel sens li jrażżan id-deficit.
Għal dan id-dibattitu attendew għadd ta’ imprendituri u sidien ta’ negozji membri tal-Kamra tal-Kummerċ.
//= $special ?>