Il-kura intensiva, inkluż bit-trasfużjonijiet tad-demm għall-morda bil-kanċer, l-operazzjonijiet maġġuri li qed isiru, u l-aċċidenti gravi bla waqfien li tista’ tgħid seħħew kuljum ħallew impatt fuq ir-riserva tad-demm tant li r-riserva tad-demm tat-tip O Positive bil-Bank tad-Demm tal-Isptar Mater Dei niżlet għal livell kritiku.
Għaldaqstant Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għal għajnuna immedjata, kemm minnaħa tal-midja biex jasal dan il-messaġġ, u iktar minn hekk biex isiru donazzjonijiet tad-demm mill-pubbliku.
F’dan il-mument ta’ bżonn, il-qraba u l-ħbieb ta’ dawk il-pazjenti li ser jiġu operati jew qed jistennew trasfużjoni tad-demm huma mitluba biex, jekk is-saħħa tippermetti, jagħmlu l-ewwel pass u jersqu biex jagħtu d-demm.
Appell ieħor hu sejħa għal sewqan responsabbli, għax finalment id-demm tant prezzjuż aħjar jiġi mogħti lill-Bank tad-Demm milli jiġi mxerred fit-triq!
L-għoti tad-demm għandu jsir ILLUM fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, li bħal dejjem jiftaħ 7 ijiem fil-ġimgħa mit-8:00am sas-6:00pm.
Il-karta tal-identità hi meħtieġa!
Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt
Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313.
//= $special ?>