Lokali Qorti

Sewwieq ordnat jagħti kumpens ta’ €7,000 lil anzjana li kien tajjar bil-karozza

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti ordna lis-sewwieq Jean Paul Micallef f’sentenza li huwa ta biex iħallas kumpens ta’ ftit aktar minn €7,000 wara li sabu ħati li tmien snin ilu tajjar anzjana ta’ 67 sena f’Ħad-Dingli minħabba nuqqas ta’ prudenza fis-sewqan tiegħu.

Maria Concetta Mifsud, mara tad-dar sofriet minn diżabbiltà permanenti ta’ 14% u li llum għandha 76 sena. L-inċident ġara fl-20 ta’ Settembru tal-2013 fi Triq l-Irdum meta Mifsud kellha tinżel minn fuq il-bankina u spiċċat timxi fit-triq minħabba scaffolding li kien armat bieb ma’ bieb mad-dar tagħha u kien qed jimblokka l-aċċess.

Fil-Qorti hija qalet li hija ntlaqtet minn karozza li kienet ġejja fid-direzzjoni tagħha u spiċċat mixħuta mal-art. Dan minkejja li bdiet tipprova tiġbed l-attenzjoni ta’ Micallef. Kien it-tifel tagħha li ġabarha mill-art hekk kif ix-xufier intlemaħ iwaħħal il-bumper u jirranġa l-mera tal-karozza tiegħu.

Micallef fid-difiża tiegħu qal li kellu x-xemx f’għajnejh u ċaħad li kien qed isuq b’veloċità qawwija. Huwa qal li ma rahiex u waqaf meta sema’ ħoss. Il-Prim Imħallef Chetcuti sab lil Micallef responsabbli tal-inċident mhux fit-totalità tiegħu u qal li kieku saq b’mod prudenti kien jinduna bil-mara.

Madankollu qal li ma jidhirx li r-raġel kien qed isuq b’veloċità eċċessiva. Meta ġiex biex jaħdem l-ammont tal-kumpens il-qorti qalet li d-danni għandhom jinħadmu skont l-età li kellha l-anzjana dakinhar tal-l-inċident. Osservat ukoll li x-xogħol tad-dar għandu wkoll valur ekonomiku u l-kontribu li tati l-mara tad-dar lill-ekonomija m’għandux jitqies anqas minn dak li jagħti r-raġel u għalhekk m’għandux jitqies li għandu valur anqas mill-paga minima nazzjonali.

Il-qorti ħadmet il-kumpens fuq dan il-binarju u fuq seba’ snin u ordnat lil Micallef u lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu biex iħallsu s-somma ta’ €7,152, bl-ispejjeż kollha u bl-imgħax.