Lokali

Żagħżugħ minn Ħal Luqa jisfa vittma ta’ inċident ieħor tat-traffiku

Żagħżugħ ta’ 28 sena tilef ħajtu traġikament f’inċident li seħħ fil-flyover tal-Kappara.

Il-vittma, li hu minn Ħal Luqa, ġie identifikat bħala Andrea Alamango.

Fl-inċident kien hemm involut ukoll żagħżugħ ieħor minn Ħaż-Żabbar, li ġarrab biss ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija qalu li każ seħħ għall-ħabta tal-11pm, meta ġew infurmati li seħħet ħabta bejn żewġ muturi – it-tnejn tat-tip Suzuki GSXR600. Mutur minnhom kien qed jinstaq mill-vittma u l-mutur l-ieħor mit-tieni żagħżugħ. Mal-impatt iż-żewġ sewwieqa spiċċaw waqgħu minn fuqhom, b’mutur minnhom baqa’ jitkaxkar għal diversi metri.

Fil-post issejaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanzi ħadu lill-irġiel l-Isptar Mater Dei – biż-żagħżugħ minn Ħal Luqa imut ftit tal-ħin wara.

Il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema għadhom għaddejjin.