Elezzjoni 2022 Lokali

Abela ffirma l-ftehim dwar il-villa fiż-Żejtun ħamest ijiem wara s-sanzjonar mill-PA

Il-Mexxej Laburista Robert Abela u martu Lydia ffirmaw il-ftehim finali biex jieħdu villa kbira fiż-Żejtun ħamest ijiem biss wara li l-Awtorità tal-Ippjanar issanzjonat l-irregolaritajiet li kellha. Dan kien irrapportat minn TheShiftNews fost l-aħħar żviluppi li ħarġu minn dan id-deal.

Is-sit irrapporta li d-deċiżjoni finali dwar din il-villa ttieħdet fil-5 ta’ Lulju 2017, bil-koppja Abela ffirmaw il-ftehim fl-10 tax-xahar. L-Awtorità tal-Ippjanar għaddiet l-irregolaritajiet minkejja li l-villa tkabbret f’zona barra mill-iżvilupp.

Fl-istess perjodu, Abela kien qed jaħdem bħala Konsulent Legali tal-Awtorità tal-Ippjanar u jitħallas €17,000 fix-xahar. Il-villa nxtrat għall-prezz ta’ €600,000, b’esperti fis-settur jgħidu li hu prezz baxx meta wieħed jara l-kobor tagħha u li tinkludi fiha pixxina kbira, kif ukoll ġonna u stalel.