Lokali Qorti

Aħwa mill-Veneżwela akkużati b’importazzjoni ta’ erba’ kilos kokaina

Żewġ aħwa nisa mill-Venezwela wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ mportazzjoni ta’ kokaina wara li nstabu erba’ kilos minn din it-tip taż droga fil-bagalji tagħhom. Studenta ta’ 18-il sena, Anna Valeria de Valle Lezama Guevara u l-‘beautician’ Yennifer Carolina Rendon Guevara ta’ 29 sena, it-tnejn mill-Venezwela iżda li joqogħdu Madrid, tressqu quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco mill-ispettur Marshall Mallia.

Iż-żewġ nisa Venezwelani ġew arrestati fl-ajruport ilbieraħ l-Erbgħa, mal-wasla tagħhom fuq titjira minn Madrid wara li uffiċjali sabu erba’ kilos ta’ kokaina suspettata fil-bagalji tagħhom. Fi stqarrija, l-pulizija qalet li d-droga maqbuda kellha valur fit-triq stmat ta’ €400,000.

In-nisa, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. L-avukat tagħhom, Noel Bianco informa lill-qorti li f’dan l-istadju ma kinitx qed tintalab il-libertà proviżorja. Il-Qorti ordnat li n-nisa jinżammu taħt arrest preventiv. Intalbet ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tan-nisa. Il-qorti laqgħet it-talba għall-ordni ta’ ffriżar.