Lokali

Fearne Prim Ministru għal sagħtejn biex Abela jmur walkabout

Negattiv u arroganti. Hekk ġiet deskritta l-imġieba ta’ Chris Fearne minn diversi persuni li segwew id-dibattitu online bejn mexxejja politiċi organizzat mill-istituzzjoni tal-Università ta’ Malta.

Dan wara li fl-aħħar minuta l-Mexxej tal-Labour Robert Abela avża li ma kienx se jattendi għal dan id-dibattitu u wara li ddeċieda li jiġi jaqa u jqum mill-istudenti u l-istituzzjoni bagħat lid-Deputat tiegħu Fearne.

U affaċjat bid-domanda għalfejn il-Mexxej Laburista ħarab milli jiddibatti – Fearne spiċċa kellu jgħatti għal Abela u insista li l-Ħamis filgħodu kien qed iservi bħala aġent Prim Ministru.

Fil-verita Abela ma kienx imsiefer…iżda jikkampanja fil-5 distrett, f’walkabout f’Birżebbuġa. Fi kliem sempliċi ġab il-voti qabel id-dmirijiet ta’ mexxej tal-partit u tal-pajjiż.

Intnat….meta mistoqsi dwar diversi suġġetti Fearne  darba wara oħra… waqa’ għar-retorika negattiva u sfida lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista b’politika tal-passat.

F’sagħtejn dibattitu oħroġ il-għaġeb Chris Fearne ma semmiex darba lil Steward Healthcare, l-isptarijiet li l-Gvern tal-Labour qed joħroġ il-miljuni tal-ewro minn but il-poplu għalihom u li ċ-ċittadini għadhom ma rawx il-frott ta’ din l-ispiża…u wisq inqas ma tkellem dwar il-wegħda Laburista ta’ sptar ġdid f’Għawdex…wegħda li issa ilhom jagħmluha sa mill-2017.

Minflok għoġbu jitkellem dwar il-Ministeru tal-Ambjent, dekasteru li hu qatt ma kien midħla tiegħu u wieħed mis-setturi li f’9 snin Gvern Laburista abbanduna totalment tant li diversi postijiet miftuħa u spazji pubbliċi inawgurati minn Gvern Nazzjonalista li spiċċaw żdingati u minsija taħt il-Labour.

U b’mod mill-aktar surreali, il-Ministru tas-Saħħa spiċċa jiftaħar bil-metro u l-istudji.

Ta min jinnota li fil-Manifest Elettorali Laburista stess, fil-wegħda 414 jingħad iswed fuq l-abjad li l-istudji għadhom mhux lesti u, aktar minn hekk, għandhom lanqas biss jafu jekk il-proġett tal-Metro hux vjabbli għal pajjiżna.