Elezzjoni 2022 Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti prijorità mġedda lis-settur tas-saħħa” – PN

Is-saħħa l-aktar ħaġa importanti. Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti prijorità mġedda lis-saħħa tagħna lkoll b’titjib konsiderevoli tal-kura, l-aċċess għall-mediċini u fiż-żmien tal-kura.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum wara nofsinhar, il-PN spjega kif fil-qasam tas-saħħa kull gvern ikun irid jagħmel titjib, però fl-aħħar disa’ snin naqas il-pass tat-titjib fil-qasam tas-saħħa. Sar progress però mhux biżżejjed. Jeħtieġ inħaffu l-pass tal-progress biex il-kisbiet tax-xjenza jaslu għand il-pazjent. Jeħtieġ mhux biss il-volontà politika iżda wkoll is-soluzzjonijiet studjati u ffinanzjati bil-għaqal.

Dan qaluh il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mal-Kandidati Stephen Spiteri u Julie Zahra f’konferenza stampa llum. Il-kelliema spjegaw kif il-PN ħabbar proposti dettaljati ġia mis-sena l-oħra dwar il-kura tal-kanċer, il-qasam tas-saħħa mentali u l-kura tas-saħħa ġo Għawdex. Dawn kollha huma parti mill-ambizzjoni tagħna. Kull kelma li għedna għada tgħodd u impenjati li nwettquha mis-26 ta’ Marzu bil-fiduċja tiegħek.

Il-viżjoni tagħna fil-qasam tas-saħħa tinġabar f’numru ta’ prinċipji bażiċi li jinkludu l-Garanzija tal-aħjar trattament u fil-ħin, li nwessgħu ir-riċerka lil hinn mill-parametri attwali, li nwessgħu l-aċċess għall-aħjar mediċini, fokus akbar fuq kundizzjonijiet kroniċi bħal ma hu l-kundizzjoni ceiliac, il-fybro-myalgia u l-multiple sclerosis l-ME/CFS.

  1. Indaħħlu charter tal-pazjenti li jistipula ż-żmien massimu ta’ stennija li pazjent għandu jistenna għat-trattament indikat bid-dritt li jieħdu minn post jew pajjiż ieħor fil-każ li l-servizz tas-saħħa tal-gvern ma’ jipprovdix it-trattament fil-perjodu stabbilit.
  1. Nintroduċu aktar mediċini neċessarji b’xejn fil-formularju, filwaqt li niżguraw li l-pensjonanti jkollhom il-mediċini kollha b’xejn.
  1. Nagħtu appoġġ usa’ lill-anzjani fejn tidħol l-ispiża tal-mediċini li mhumiex fil-formularju tal-gvern.
  1. Nipprovdu t-tabib tal-familja b’xejn lill-pensjonanti kollha kif ukoll pakkett ta’ sigħat ta’ kura fix-xahar f’darhom, skond il-ħtiġijiet tal-pazjent. Il-ħlas lit-tabib tal-familja (skont tariffi maqbulin u permezz ta’ sistema diġitali) isir bi kreditu tat-taxxa lit-tabib li jipprovdi s-servizz.
  1. Insaħħu l-qafas tal-prevenzjoni u l-kura għad-dijabete taħt il-kappa ta’ strateġija nazzjonali kontra l-kundizzjoni, b’enfasi fuq li jkomplu jingħataw il-Continuous Glucose Monitors lill-pazjenti dijabetiċi tat-tip 1 kollha, jingħataw l-istrippi tal-monitoraġġ b’xejn, tingħata assistenza jiddaħħlu aktar mediċini innovattivi u effettivi fil-formularju tal-Gvern li jkunu jistgħu jingħataw b’xejn lill-pazjenti kif ukoll li jiżdiedu aktar Diabetic Nurses fl-isptarijiet u l-komunità.
  1. Biex intaffu l-ispiża li jiffaċċjaw pazjenti celiac ser inżidu l-assistenza għal €180 fix-xahar li jintużaw fi prodotti speċjali li jkunu kostretti jixtru minħabba l-kundizzjoni tagħhom. (Bħalissa din l-assistenza limitata għal 45euro li jservu biss ftit jiem)
  1. Ninvestu fit-tisħiħ tar-riżorsi, l-apparat, it-trattament u l-mediċini neċessarji biex jingħata servizz aktar komprensiv u personalizzat lil pazjenti li jsofru b’kundizzjonijiet, li ser jibdew jitqiesu bħala kroniċi, jimpattaw serjament il-ħajja tal-pazjenti bħal multiple sclerosis, l-ME/CFS u l-fibromyalgia kif ukoll dawk li jkollhom bżonn l-aċċess għas-servizzi tal-Pain Clinic.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen b’saħħa kbira li pajjiżna irid jagħti prijorita akbar lis-saħħa mentali. Għal dan il-għan nimpenjaw ruħna li:

  1. Flimkien mal-professjonisti, nibnu mill-qiegħ riforma estensiva fil-kura tas-saħħa mentali b’bidla qawwija favur l-appoġġ u trattament fil-komunità u impenn kollettiv kontra l-istigma lejn dawn il-kundizzjonijiet.
  1. Nagħlqu l-Isptar Mount Carmel u nibnu sptar ġdid għal-kura tas-saħħa mentali, fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei, iffukat biex jittratta pazjenti b’kundizzjonijiet akuti.
  1. Niżviluppaw numru ta’ ċentri u faċilitajiet dedikati għat-tfal u żgħażagħ ta’ etajiet differenti li jkollhom bżonn kura tas-saħħa mentali f’xi żmien jew ieħor ta’ ħajjithom.

Il-PN impenjat biex javvanza wkoll b’mod sinifikanti l-kura tal-Kanċer, dan billi nużaw bi sħiħ l-opportunitajiet li toffri l-Ewropa fi ħdan il-‘Beat Cancer Plan’ kif ukoll permezz ta’ miżuri Nazzjonali li jitwettqu fl-ewwel sena tal-leġislatura:

  1. Intejbu l-kwalità tal-kura lill-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom kif tassew jistħoqqilhom. Il-karità hija ġest nobbli u imprezzabbli iżda sfortunatament il-kura tal-kanċer saret tiddependi b’mod sporporzjonat fuq ir-rieda tajba ta’ għaqdiet u inizjattivi non-governattivi, u spiss twassal għal taqtigħ il-qalb mingħajr bżonn. Il-Partit Nazzjonalista għandu legat fil-qasam tal-onkoloġija; L-Isptar Sir Anthony Mamo huwa xhieda ħajja ta’ dan l-impenn u viżjoni fit-tul li dejjem kellu l-Partit Nazzjonalista.
  1. Nassiguraw il-finanzjament neċessarju biex noffru l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.
  1. Naġġornaw il-formolarju mediċinali biex joffri l-aktar mediċini effettivi mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra.
  1. Inwaqqfu Drug Fund li jkopri indikazzjonijiet speċifiċi biex pazjenti li jkunu eliġibbli jsibu l-għajnuna b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ proċessi burokratiċi.
  1. Inwessgħu l-aċċess għal supportive medicines biex itaffu l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni.
  1. Niftħu u nifirxu l-programmi ta’ screening għal aktar etajiet biex, b’mod gradwali, jilħqu l-popolazzjoni sħiħa f’fażijiet differenti tal-ħajja.
  1. Ninvestu b’mod strateġiku fl-assessjar ġenetiku (genetic testing) biex nilqgħu għall-kanċer minn kemm jista’ jkun kmieni.
  1. Nagħmlu qabża ta’ kwalità b’tagħmir tal-aħħar ġenerazzjoni billi naqilbu minn teknoloġija Linear Accelerator (LINAC) għal MR Linear Accelerator.
  1. Noħolqu Walk-In Clinic li jopera 24 siegħa kuljum biex jagħti assistenza immedjata lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom. Ma’ dan, inwaqqfu sistema diġitali ta’ electronic health għall-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu qed jiġu trattati mid-dar sabiex ikunu jistgħu jiġu segwiti mill-professjonisti b’mod remot u aktar effettiv.