Elezzjoni 2022 Enerġija Lokali

Gvern ieħor Laburista jibqa’ jiddefendi l-kuntratt tal-Electrogas

MIriam Dalli b'botti lil Robert Abela u Ian Borg

Wara li l-pjan tal-enerġija tal-Partit Laburista tal-2013 issarraf f’kuntratt skandaluż li sewa lill-poplu Malti il-miljuni… u fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia…il-Ministru Miriam Dalli, 9 snin wara tibqa’ tiddefendi l-kuntratt oxxen li ntrabat bih il-Labour fl-aħħar snin. U terġa’ tikkonerma li mhux se tinħall mil-kuntratt tal-Electrogas.

Għal mistoqsija ċara dwar kif beħsiebha tinħall mill-kuntratt oxxen, Miriam Dalli bdiet titkellem dwar id-diversifikazzjoni tal-enerġija.

Dwar dan il-kelliem tal-PN dwar l-enerġija Ryan Callus kien ċar, li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech iħoll lill-pajjiż minn kuntratt li kien fost il-fatturi li daħħal lill-pajjiżna fil-lista l-griża.

Huwa saħaq li dan il-kuntratt qed ikun ta’ problema għal pajjiżna u li kien fost il-fatturil li tefgħuna fil-Greylist.

Waqt dibattitu organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ propju dwar l-enerġija, diversi esperti xeħtu dawl fuq dawk li huma l-isfidi ta’ pajjiżna f’dan is-settur.

Huma qablu li Malta għadha lura ferm f’dak li hu pjan għall-enerġija rinovabbli u l-kriżi fl-Ukrajna se tpoġġi sfidi akbar milli kelna diġà fuq dan il-qasam. U li qegħdin tard ferm filwaqt li l-Ewropa qed tagħmel avvanzi mgħaġġla ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżna.

Fost dak li qed jipproponu l-esperti, hemm l-enerġija li ġejja mill-imtieħen tar-riħ, kif semma l-inġinier Michael Mifsud li saħaq li ma nistgħux nibqgħu imwaħħlin fid-diskussjonijiet.

Dan is-sors ta’ enerġija ilha parti mill-pjan tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar snin.

Intant waqt diskussjoni wkoll dwar it-trasport pubbliku, il-Kamra tal-Kummerċ insistiet li t-trasport b’xejn mhijiex soluzzjoni għaliex min juża t-trasport pubbiku b’mod regolari m’għandux spiża kbira.

B’Miriam Dalli tispiċċa tattakka lill-kollega tagħha Ian Borg bil-falliment tiegħu fit-traffiku. Hi qalet li bħal kulħadd tkun fit-traffiku. Sparat ukoll fuq il-proġett stilla tal-Labour, dak tal-metrò li b’tant pompa tressaq il quddiem bħala s-soluzzjoni għall-problemi kollha ta’ trasport f’pajjiżna. Bil-Ministru Labursita stess tgħid li dan lanqas ma huwa s-soluzzjoni.

Dalli qalet li l-metroò jrid jiġi ‘studjat’ u li rridu nsibu metodi oħra tat-trasport.

U dan filwaqt li fil-bidu tad-dibattitu pruvat tirredikola lill-leader tagħha stess li għamel kampanja sħiħa jqalleb fil-pataflun karti li qed jikollu quddiemu f’kull okkazjoni fejn irid jitkellem, billi qalet li hi kelma waħda biss ikollha bżonn biex titkellem.

Botta xejn sottili għal Robert Abela, li Miriam Dalli se tkun qed tikkonfronta b’mod dirett wara li l-mexxej Laburista għażel li jikkontesta fuq l-istess distrett tagħha.