Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Għexieren ta’ ċivili maqtula f’ Chernihiv

L-aħħar rapporti mill-Ukrajna qalu li talanqas 60 ċivili nqatlu fi spazju ta’ 24 siegħa ( bejn l-Erbgħa u llum, il-Ħamis) fil-belt ta’ Chernihiv, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ dan il-pajjiż.

Il-Gvernatur tar-reġjun, Vyacheslav Chaus, qal li l-għadu kompla jibgħat l-ajruplani tal-gwerra biex jattakkaw liċ-ċentru reġjonali u meta l-qawwiet ta’ Moska anki bumbardjaw iz-zoni ta’ Chernihiv bl-artillerija.

L-awtoritajiet lokali, intant, qalu li l-Armata ta’ Vladimir Putin qed tmexxi l-azzjonijiet speċifiċi biex teqred l-infrastruttura taċ-ċivili – u meta qed jinqatlu dejjem aktar residenti bħala konsegwenza.

L-awtoritajiet f’Chernihiv bħalissa qed jaħdmu biex jirristawraw id-dawl u s-servizzi tal-ilma u l-gass għal sezzjonijiet kbar tal-belt – u waqt li r-Russi qed ikomplu bil-bumbardamenti fuq l-inħawi.

Intant, kien hemm stennija għal aktar taħditiet bejn l-awtoritajiet Ukreni u t-truppi Russi bil-għan li huma jaqblu dwar rotta umanitarja għall-evakwazzjoni taċ-ċivili minn Chernihiv.