Il-ġurnalista Russa li ssugrat ħajjitha wara li mexxiet messaġġ kontra l-gwerra fl-Ukajna waqt xandira diretta tal-aħbarijiet f’pajjiżha issa qed tħeġġeġ biex il-poplu tar-Russja ‘ma jiblax aktar il-propaganda tal-Kremlin u tal-President Russu Vladimir Putin.’
Marina Ovsyannikova — li waqt is-servizz għolliet messaġġ (miktub bl-idejn) li kien jgħid ‘le għall-gwerra’ – qed tittama li din il-protesta tinkoraġġixxi lir-Russi biex jikkuntestaw ir-rapporti tal-media lokali li qegħdin jgħaddu miċ-ċensura tal-Kremlin.
L-uffiċjali qrib tal-President Putin bl-ebda mod ma jridu li l-poplu fir-Russja jsir jaf kemm qed jinqatlulhom suldati waqt il-battalji fl-Ukrajna. Sadanittant, il-ġurnalista – meqjusa bħala ‘eroj’ minn dawk li jħobbu l-libertà – qed tenfasizza li r-Russi ma jridux jisimgħu aktar ‘l-istazzjonijiet televiżivi tal-Kremlin’.
Hi ħeġġet biex iċ-ċittadini Russi jitgħallmu jfittxu u janalizzaw l-aħbarijiet minn sorsi indipendenti u anki mis-sorsi tal-Punent — filwaqt li rikonoxxiet li hu diffiċli għar-Russi biex isibu l-informazzjoni li tirrifletti l-verità kerha tal-gwerra fl-Ukrajna.
Ovsyannikova, li hi editur mal-istazzjon Russu Channel One, spiċċat arrestata u miżmuma wara li wasslet dan il-messaġġ – u fejn damet talanqas 14-il siegħa taħt investigazzjoni. Hi issa qed tgħid li s-servizzi sigrieti ta’ Putin qegħdin jivvintaw ħafna gideb dwarha, fosthom li hi ‘involuta f’sabutaġġ kontra l-Istat.’
//= $special ?>

