Nuqqas ta’ spazji pubbliċi, nuqqas ta’ bilanċ fl-iżvilupp, nuqqas ta’ zoni pedonali u ftit li xejn ħarsien tal-ambjent Malti.
Dawn huma uħud mill-punti li qajmu l-istudenti li jagħmlu parti minn Ecoskola tul laqgħa li ġiet organizzata fid-Dar Ċentrali tal-PN flimkien mad-Deputat u Kandidat Robert Cutajar u l-kandidata Julie Zahra. Tul din il-laqgħa ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-ambjent f’Malta.
It-tfal li attendew għal din il-laqgħa.. min-naħa tagħhom faħħru l-proposti tal-PN filwaqt li żiedu li jeħtieġ aktar investiment fis-settur ambjentali f’Malta u f’Għawdex. Huma ħadu din l-okkażjoni biex jippreżentaw l-viżjoni tagħhom għall-futur f’dan is-settur.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar fakkar kif il-PN flimkien mal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ kien strumental biex f’Malta ssejħet emerġenza fil-klima. Hu qal li l-proposti tal-PN qed jimmirraw biex ikun hemm tnaqqis fl-emissjonijiet u żieda ta’ zoni pedonali fil-lokalitajiet tagħna.
Huwa enfasizza li l-PN qed jaħdem biex jitnaqqas ukoll it-tniġġis tal-ħoss u wiegħed li se jibqa’ jkun il-vuċi biex il-pajsaġġ Malti jingħata aktar attenzjoni.
Julie Zahra tenniet li l-ambjent u l-pajsaġġ Malti jeħtieġ jingħata attenzjoni kbira. Zahra qalet li x-xewqa tagħha hi li lil dawk ta’ warajna nħallulhom pajjiż san.
Hija xeħtet dawl ukoll fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ ambjent sabiħ, qed iġib anki sfidi oħra fis-settur tas-saħħa mentali. Julie Zahra qalet li l-PN qed jindirizza dan kollu iżda wkoll qed ifittex li jibqa’ jikkonsulta ma’ kulħadd, speċjalment mal-ġenerazzjoni li se tmexxi l-Malta t’għada. Fl-aħħar tal-laqgħa, Robert Cutajar u Julie Zahra preżentaw numru ta’ kotba lill-istudenti bħala forma ta’ ringrazzjament għall-impenn tagħhom favur l-ambjent ta’ pajjiżna.
//= $special ?>