“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed joffri għajnuna lill-għaqdiet volontarji u se jara li dawn ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar faċli.”
Dan kien fost il-messaġġi tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jikkontestaw fuq il-5 distrett waqt Attività Politika li saret fl-Imqabba.
Il-Kandidat Toni Bezzina qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu proposti ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi, anke mill-Oppożizzjoni. Bezzina semma kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jassigura li l-festi tas-sajf li ġej ikunu ċċelebrati bħal dawk qabel il-pandemija tal-Covid-19. Toni Bezzina għamel aċċenn għall-proposti tal-PN fil-qasam tat-trasport u l-infrastruttura fejn fost l-oħrajn se tkun indirizzata l-problema tat-traffiku, permezz ta’ trackless tram u se jkun hemm inċentiv ta’ €10,000 għal min jagħżel li jirrinunzja l-karozza tiegħu.
Stefan Caruana qal li ftit tal-jiem ilu kien għand familja li għall-ewwel darba se jkunu kollha qed jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista. Caruana tkellem dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista favur iż-żgħażagħ u kif il-PN bil-fatti qed juri kif se jkun hemm għall-istudenti ukoll. Stefan Caruana għadda wkoll messaġġ ta’ kuraġġ għaliex minkejja li hemm min qed jipprova jaqta’ qalb il-Partit Nazzjonalista, huwa l-PN l-unika partit f’Malta li għandu għal qalbu l-ġid tal-poplu kollu.
Fl-istess attività tkellmet ukoll il-kandidata, Francine Farrugia, fejn qalet li l-poplu huwa għatxan biex isir jaf aktar dwar il-proposti tal-PN. Farrugia ndirizzat il-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-volontarjat, fejn fost l-oħrajn se jkun qed ineħħi l-piżijiet sproporzjonati li tefa’ l-Gvern Laburista fuq l-għaqdiet volontarji primarjament billi titnaqqas il-burokrazija. Il-PN se jkun ukoll qed iħallas għall-permessi varji ta’ dawn l-għaqdiet fost l-oħrajn. Francine Farrugia temmet billi qalet li l-PN huwa l-partit li jemmen fiż-żgħażagħ u qed joffri viżjoni biex dawn jibqgħu f’pajjiżna.
Il-Kandidat Owen Sciberras qal li hu għażel li joħroġ għall-politika kienet għaliex ħass ir-rieda u l-impenn li jara li l-ġid komuni jitqassam b’mod ekwu. Sciberras qal kif fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa, l-pajjiż u l-partit qed isejħulna u għalhekk għandna nirrisponda. Owen Sciberras qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u dejjem ħa d-deċiżjonijiet li għadna sal-lum ingawdu minnhom. Owen Sciberras qal kif minkejja li l-PN mhux dejjem kien perfett u ammetta fejn żbalja, jekk jingħata l-fiduċja fis-26 ta’ Marzu se jkun qed isarraf din il-fiduċja f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.
Stanley Zammit, tkellem dwar kif fil-ħajja ta’ kuljum kulħadd ikollu jagħmel għażliet u hekk ukoll anke fil-politika fejn din hija għażla li tagħmilha kontinwament. Zammit qal li Robert Abela prova jixtri lill-poplu Malti u Għawdxi bi flusna stess, fejn ftit jiem qabel l-elezzjoni bagħat il-vouchers ta’ flus li hu seraq mit-taxxa tagħna. Stanley Zammit qal li minn naħa tiegħu, il-Kap tal-PN Bernard Grech xammar il-kmiem u għażel li jaħdem għall-ġid tal-poplu Malt u qed iwiegħed politika nadifa u onestà. Hu temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkun viċin ta’ numru ta’ setturi fosthom, iż-żgħażagħ, l-edukaturi, il-pensjonanti u anke n-negozji.
//= $special ?>