It-teatru Donetsk fil-belt Ukrena ta’ Mariupol kien ibbumbardjat mit-truppi Russi waqt li kien hemm mijiet ta’ persuni fih. Infatti skont il-Viċi Sindku ta’ Mariupol, Serhiy Orlov, fit-teatru kienu qed jistkennu bejn 1,000 u 1,200 persuna.
Fi stqarrija, il-Kunsill ta’ Mariupol iddeskriva dan l-attakk bħala orribbli u diżuman. Kien irrimarkat, li Mariupol għadha qed tiġi bbumbardjata fl-inħawi residenzjali.
Skont rapporti internazzjonali, in-numru ta’ persuni li nqatlu għadu mhux magħruf filwaqt li l-Ministeru tad-Difiża Russa ċaħad dan l-attakk.
Persuni li jinsabu f’Mariupol, stqarrew li minħabba l-attakki kontinwi fil-belt ħadd għadu ma jista’ jilħaq it-teatru biex jassisti lill-vittmi.
Fi tweet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren, Dmytro Kuleba qal li r-Russi ma setgħux ma kinux jafu li f’dan it-teatru kien hemm persuni li ma jaħtu xejn u li kienu qed jistkennu mill-bumbardamenti tal-għadu.
//= $special ?>