Ambjent Lokali

“L-ORNIS hu għodda politika f’idejn il-PM Robert Abela”- Birdlife

BirdLife Malta twiegħed kampanja bla waqfien biex twaqqaf deċiżjonijiet skandalużi lejliet elezzjoni ġenerali

BirdLife Malta tikkundanna l-Kumitat ORNIS wara li lbieraħ intwera bliktar b’mod ċar li l-Kumitat ORNIS mhu xejn ħlief għodda politika f’idejn il-Gvern u xejn aktar. Fuq kollox il-Kumitat injora l-prinċipji legali tad-direttivi Ewropej kif ukoll id-data u l-argumenti xjentifiċi.

BirdLife Malta tixtieq tinforma lill-pubbliku li:

• Se tkun qed tieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni Ewropea tkun taf id-dettalji kollha kif il-Prim Ministru Robert Abela lejliet elezzjoni ġenerali għamel minn kollox biex jinjora l-obbligi tal-pajjiż fil-konfront tal-ambjent naturali u l-kaċċa f’pajjizna. Se tinsisti wkoll mal-Kummissjoni li din tgħaġġel il-proċess tal-Proċeduri ta’ Ksur kontra Malta fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa.

• Se tikkomunika mal-għaqdiet ambjentali internazzjonali biex jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom ħalli fuq livell internazzjonali ssir pressjoni kontra l-Gvern u biex jiżdied l-appoġġ sħiħ lil BirdLife Malta.

• Qed tikkunsidra l-passi kollha legali li tista’ tieħu biex id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern jiġu kkontestati fil-Qrati lokali.

• Se taħdem biex terġa’ tinfetaħ diskussjoni minnufih dwar referendum abrogattiv dwar il-kaċċa.

Ilbieraħ, fil-laqgħa tal-Kumitat ORNIS suppost li kellu jiġi diskuss mhux biss l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema imma wkoll tibdil fil-liġi fir-rigward tal-ibbalzmar. Imma ħaġa tal-iskantament kif ftit sigħat biss qabel il-laqgħa, il-Gvern ippubblika Avviż Legali li permezz tiegħu dawk li għandhom jew irċivew għasafar ibbalzmati effettivament ingħataw amnestija.

Din hija turija ċara kemm il-Kumitat ORNIS huwa biss għodda politika u farsa mill-bidu sal-aħħar. Minħabba f’dan, meta ġie biex jiġi diskuss dan il-punt, BirdLife Malta telqet ’il barra mil-laqgħa.

Ilbieraħ intwera ċar li d-deċiżjonijiet li jieħu dan il-Kumitat huma biss deċiżjonijiet politiċi u jinjoraw għal kollox id-data u l-argumenti xjentifiċi.

Dan għaliex fil-laqgħa ma nġieb l-ebda argument validu li jiġġustifika li jinfetaħ staġun tal-kaċċa fuq il-Gamiema – speċi vulnerabbli u fil-periklu tal-estinzjoni – speċjalment meta fl-Unjoni Ewropea qed isiru sforzi kbar biex il-kaċċa fuq dan l-għasfur titwaqqaf anke fil-ħarifa.

Ilbieraħ intwera ċar ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela huwa determinat iħott dak kollu li għamlu l-predeċessuri tieghu fir-rigward tal-kaċċa u linsib. Dan il-Gvern immexxi minn Robert Abela għandu politika li hija mmirata biss biex taġevola l-kaċċaturi u tixtri l-voti b’deċiżjonijiet ta’ qabel l-elezzjoni. Dan meta l-Gvern jaf li l-Kummissjoni Ewropea se twaqqaf lil Malta f’dan ir-rigward kif ukoll li l-maġġoranza tal-pubbliku ta’ kull kulur politiku trid li l-ambjent naturali jiġi mħares u li l-kaċċa tigi mrażżna.

Fil-mument li pajjiżna jeħtieġ li jkun progressiv u jħaddan prinċipji ġusti favur l-ambjent, il-PM Robert Abela qed idawwar l-arloġġ lura biddeċiżjonijiet li qed jieħu fuq il-politika ambjentali ta’ pajjiżna. B’iktar minn 60 sena esperjenza, u bħala l-akbar għaqda ambjentali f’Malta, aħna nwiegħdu li se niġġieldu dawn id-deċizjonijiet skandalużi
b’determinazzjoni kbira fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.