Lokali Qorti

Mara tqila mixlija b’aggressjoni fuq is-sieħeb tagħha permezz ta’ blata ornamentali

Mara tqila tressqet il-Qorti fuq akkużi li weġġgħet gravi lis-sieħeb tagħha meta laqtetu f’rasu bi blat ornamentali nhar il-Ġimgħa filgħaxija. L-Ispettur Eman Hayman ressaq il-Qorti lill-mara Żvediża ta’ 28 sena quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco u akkużaha li kkaġunat feriti gravi lis-sieħeb tagħha bħala riżultat tal-allegat attakk.

L-allegat vittma huwa wkoll mill-Isvezja, bil-mara ti[i mixlija wkoll li kkaġunatlu feriti ħfief f’inċident preċedenti ta’ vjolenza domestika fi Frar li għadda. L-akkużata, li qalet lill-Qorti li tgħix il-Gżira, taħdem bħala ‘recruiter’, wieġbet mhux ħatja.

L-avukat Roberto Montalto, li deher għal mara, talab għall-ħelsien mill-arrest. Spjega li l-allegata vittma jinsab akkużat li stupraha fi proċeduri kriminali separati li bdew f’Ottubru li għadda. “Nistenna każ kumpless,” qal l-Avukat. Hija għandha impjieg u indirizz fiss u m’għandha l-ebda każijiet preċedent, irrimarka l-avukat, li informa wkoll lill-qorti li l-imputata hija tqila b’tewmin.

Il-maġistrat staqsiet x’inhi s-sitwazzjoni tal-allegata vittma. Montalto qal li r-raġel kien joqgħod San Pawl il-Baħar. Il-prosekuzzjoni talbet ordni ta’ protezzjoni. Il-vittma diġà jinsab taħt ordni ta’ protezzjoni separata u li toħroġ ordni oħra fil-konfront tagħha tiżgura li ma tmurx fl-appartament tiegħu, spjegaw il-partijiet.

L-avukat difensur żied jgħid li jista’ jikkunsidra li jitlob il-waqfien tal-proċeduri ta’ vjolenza domestika. Il-prosekuzzjoni ddikjarat li garanzija personali tkun biżżejjed bħala garanzija għal pleġġ fiċ-ċirkostanzi u li ma kinitx qed tinsisti fuq depożitu.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma. Il-mara ngħatat il-ħelsien mill-arrest, kontra garanzija personali ta’ €2,000, u ordnatha wkoll tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa. L-ebda curfew ma ġie impost minħabba l-kundizzjoni tagħha.