Żewġ NGO’s għamlu rebħa fil-Qorti fuq permessi ta’ żvilupp f’Manoel Island u Burmarrad. Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti li kien qed jippresiedi l-Qorti tal-Appell, laqa’ t-talbiet magħmulha minn Flimkien Għal Ambjent Aħjar u l-Moviment Graffitti.
L-Għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar kien appella mid-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent dwar permess ta’ żvilupp f’Manoel Island mill-kumpanija MIDI, li jikkonsisti fi tneħħija ta’ siġar u twaqqigħ ta’ bini. L-Għaqda kienet allegat li l-permess kellu jiġi revokat minħabba li nkiseb bi frodi, għax l-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) kien fih tagħrif żbaljat li ma jirriflettix is-sitwazzjoni tas-sit.
Il-Qorti tal-Appell fid-deċiżjoni tagħha qalet li t-Tribunal żbalja meta qabel mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tissospendi s-smigħ għar-revoka tal-permess sakemm ikun deċiż permess ieħor, u għalhekk ordnat biex din it-talba tinstema’ mill-bord tal-awtorità mingħajr dewmien.
Sadanittant il-Qorti laqgħet l-appell tal-Moviment Graffitti dwar permess ta’ rilokazzjoni ta’ pompa tal-petrol f’Burmarrad u l-bini ta’ uffiċini, service garage u car-wash, fejn għamlet diversi oġġezzjonijiet dwar dan l-iżvilupp. Il-Qorti ma qablitx mad-deċiżjoni tat-Tribunal, li l-Moviment Graffitti ma kellux dritt jappella għax ma kienx irreġistra oġġezzjoni għall-iżvilupp mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Qorti qalet li dan l-iżvilupp kien soġġett għal studju ambjentali (EIA), u dan jagħti dritt ta’ appell lil terzi. Il-Qorti qalet ukoll li t-Tribunal ma ta l-ebda raġuni għalfejn ċaħad it-talba tal-għaqda biex iċ-Chairman tat-Tribunal, li hu impjegat tal-Awtorità, jirrikuża ruħu.
Il-Qorti qalet ukoll li t-Tribunal kellu jindirizza din il-kwistjoni b’mod ċar biex tkun assigurata t-trasparenza, u għalhekk bagħat l-atti lura lit-Tribunal biex din tkun ikkunsidrata mill-ġdid.
//= $special ?>