Lokali

Abela ma jerfa’ ebda responsabbiltà tal-greylist

Abela jfarfarha fuq l-amministrazzjoni ta' Joseph Muscat

Vag, ġenerali u mingħajr soluzzjonijiet konkreti.

Hekk qed jiġu deskritti l-interventi tal-Mexxej tal-Labour waqt intervista li Robert Abela qed issirlu fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid hekk kif minkejja li d-domandi huma preparati għal kollox, bi script komplut bil-mistoqsijiet b’kollox, Abela xorta waħda mhux iwieġeb b’mod konkret dwar diversi setturi u jdur mal-lewża.

Mistoqsi dwar is-settur tal-arti u l-kultura, u l-fatt li jingħata ftit importanza fil-Gżejjer Maltin, Robert Abela saħaq li dan is-settur ma jridx li jingħata għajnuna iżda li jitħalla jaħdem. S’hemm naqblu, iżda ma spjegax kif se jkun qed jgħin lil dan il-qasam, għajr li ‘l quddiem (u ma speċifikax meta) se jkun qed tinfetaħ binja tal-arti u l-kreattivita fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid.

Dan filwaqt mistoqsi x’tibdil se jkun hemm fis-sistema edukattiva Abela bħal ma kien mistenni injora għal kollox il-fatt li fl-aħħar leġiżlatura Gvern Laburista mar kompletament żmerċ f’dan id-dekasteru b’4 Ministri tal-Edukazzjoni.

Mistoqsi dwar il-greylisting, Abela stqarr li l-FATF se tkun qed iżżur lil pajjiżna għal on-site visit f’April madanakollu meta prova jispjega kif Malta waslet fuq il-lista l-griża….lanqas biss prova jerfa responsabbiltà iżda farfarha kompletament fuq il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Dan filwaqt li spjegax x’wegħdiet hemm fil-Manifest Elettorali Laburista dwar Governanza Tajba u kif se jkun qed jissalvagwardja l-fatt li Malta ma terġax tidħol f’din il-lista. Apparti minn hekk, ma tkellimx dwar il-fatt li l-esperti qed jisħqu li l-affarijiet mhux se jkunu qed jinbidlu mil-lum għall-għada minn meta noħorġu mil-lista li xeħitna fiha l-Labour, għaliex kif spjegaw huma, l-effetti ekonomiċi se nibqgħu sfortunatament inħossuhom għal żmien itwal.

Ironikament mistoqsi dwar fake news – Robert Abela insista li hu jemmen li l-midja tal-partiti trid tkun fattwali…ftit minuti biss wara Abela sostna li fil-jiem li għaddew inawgura u fetaħ park f’Ta’ Qali – meta l-verità hi li għamel konferenza stampa għal refurbishment li saret f’park inawgurat fis-snin 90 minn dak iż-żmien Kap tal-Partit Nazzjonalista u Prim Ministru ta’ Malta, Eddie Fenech Adami.