Christian Vassallo, kowċ rinomat fl-‘istrength and conditioning’ u speċjalista fix-xjenza tal-isport, ingħaqad mal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport bħala l-konsulent tiegħu fix-xjenza u r-riċerka tal-isport.
Il-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, li se jibda jinbena fi ħdan il-Kumpless Sportiv tal-Kulleġġ San Alwiġi, se jkun skola indipendenti koedukattiva, speċjalizzata fl-isport li se tibda topera minn Settembru 2024. Il-kulleġġ jagħti valur miżjud lill-isport fi ħdan il-proċess ta’ tagħlim ħolistiku tal-istudenti-atleti.
Il-faċilitajiet moderni u ta’ l-għola livell se jospitaw programmi ta’ żvilupp sportiv għal studenti ta’ talent u potenzjal fil-futbol, atletika, għawm u waterpolo. Dawn l-istudenti jkollhom l-opportunità li jibdew fil-kulleġġ mill-ewwel sena tal-iskola medja u jtemmu l-edukazzjoni tagħhom sal-livell tas-Sixth Form waqt li jilħqu il-potenzjal u l-objettivi tagħhom fil-qasam tal-isport.
Vassallo bħalissa qed jassisti lill-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport fit-twaqqif ta’ Ċentru tax-Xjenza u Riċerka tal-Isport mill-aktar modern li se jkun fil-qalba tal-kumpless sportiv u edukattiv tiegħu. Il-ħsieb ewlieni taċ-Ċentru hu li jispeċjalizza fl-iżvilupp atletiku fit-tul tal-istudenti-atleti, li jtejjeb il-wirjiet sportivi tagħhom filwaqt li jnaqqas ir-riskju ta’ ‘injuries’ kemm għall-istudenti tal-Kulleġġ kif ukoll għall-komunità li se jservi.
Fl-aħħar snin Christian Vassallo kien kowċ tal-‘istrength and conditioning’ ma’ Arsenal FC Youth Academy u saħansitra fl-2017 kien magħżul il-kowċ emerġenti tas-sena fl-‘istrength and conditioning’ fir-Renju Unit.
Flimkien mal-eks plejer internazzjonali Malti, André Schembri, hu waqqaf il-kumpanija Traainer, netwerk ta’ speċjalisti multi-dixxiplinarji li flimkien jikkoordinaw il-preparazzjoni u l-appoġġ tal-prestazzjoni tal-atleti individwali
//= $special ?>