Elezzjoni 2022 Lokali

Clayton Bartolo jerġa’ jaħrab milli jwieġeb u jinħeba wara l-elezzjoni ġenerali

Għadda xahar u nofs u għadu ma jridx jgħid kemm berbaq għal serata biċ-ċoff

Clayton Bartolo għadu ma jridx jgħid kemm ġiet tiswa verament is-serata tal-Malta Film Awards.

Ftit tal-jiem ilu, it-Times of Malta talbet din iċ-ċifra skont il-Freedom of Information Act, iżda din it-talba kienet irrifjutata. Għaldaqstant, fl-ewwel okkażjoni li kellna, staqsejna direttament lil Clayton Bartolo, li għażel li jinħeba wara l-iskuża li ma kellux ċans ipoġġi ċ-ċifri fuq il-Mejda tal-Kamra għax laħqet issejħet l-elezzjoni.

Mistoqsi minn NET News, Clayton Bartolo ftaħar li jaf il-costings tal-Manifest Elettorali tal-Labour, għalkemm imbagħad ma kienx kapaċi jgħid b’mod ċar kemm swiet din l-attività tal-Film Awards.

Il-budget inizjali tal–Malta Film Awards kien ta’ madwar €400,000, għalkemm esperti fis-settur qalu li l-ispiża sparat sew ‘il fuq, tant li hu stmat li laħqet xi mkien bejn miljun u żewġ miljun ewro.

Barra minhekk, u biex ikompli jaħrab milli jwieġeb, Clayton Bartolo qal li jekk il-Labour ikun fil-Gvern se jgħin lil setturi differenti bħalma għamel fl-aħħar xhur.

Madankollu, hu reġa’ ħarab b’daħqa meta fakkarnih li Robert Abela jrid jibgħat lill-ħaddiema u lin-negozjanti jiddejnu mingħand il-Gvern stess għal għajnuniet futuri f’ċirkostanzi bħalma kienet il-pandemija.

Id-domandi lil Clayton Bartolo saru fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru l-ewwel dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Isle of MTV – kuncert bla ħlas illi sar possibbli grazzi għall-ħidma li wettaq Gvern Nazzjonalista, hekk kif l-ewwel edizzjoni nżammet fl-2007 u minn dakinhar baqgħet issir ta’ kull sena minbarra fl-aħħar sentejn, kawża tal-pandemija tal-Covid-19.