Internazzjonali

FILMAT: Il-Gwerra tal-Ukrajna: “Inti bdejt il-konflitt u inti tista’ twaqqaf kollox” – Arnold Schwarzenegger lil Putin

Bħalissa qed idur filmat b’appell biex tieqaf il-gwerra (fl-Ukrajna) mingħand l-attur leġġendarju Amerikan, Arnold Schwarzenegger….Appell li spiċċa ‘viral’ u li qanqal reazzjoni fuq livell globali anki waqt li qiegħed ‘trending’ fuq it-Twitter tar-Russja.

Schwarzenegger – famuż għas-sensiela tal-films bit-tema ‘Terminator’ u Commando – juża l-filmat biex iwissi lir-Russi li l-Kremlin qed jgħaddilhom informazzjoni qarrieqa dwar l-offensiva attwali li l-Armata tar-Russja qed tmexxi fuq l-Ukrajna.

U fl-aktar mument drammatiku tal-filmat, Arnols Schwarzenegger jindirizza personalment lill-President Russu Vladimir Putin waqt li jgħidlu: ‘Int bdejt din il-gwerra u inti tista’ twaqqafha’.

L-attur, sadanittant, ifaħħar lir-Russi u jsostni li dan il-poplu dejjem kien għal qalbu minn età żgħira — u meta wieħed mill-idolu ta’ tfulitu, fil-fatt, kien weight-lifter Russu.

Schwarzenegger fakkar ukoll li l-ħbiberija tiegħu mar-Russi kompliet tikber waqt li kien qed jiġbed il-film ‘Red Heat’ f’Moska, matul is-snin tmenin.

Sadanittant, l-intervent ta’ Schwarzenegger niżel tajjeb ħafna mar-Russi li jopponu għall-gwerra fl-Ukrajna.

Ħafna osservaturi Russi qalu li l-attur għandu l-kapaċità biex jindirizza lin-nies (f’dan il-każ ir-Russi) b’rispett u b’umiltà. Kienet anki innutata l-ħila ta’ persważjoni tal-attur bil-għan li jittieħdu l-aħjar deċiżjoniiet fl-interessi tal-ġustizzja u l-paċi.

Il-Kremlin ta’Moska baqa’ ma weġibx għall-appell ta’ Schwarzenegger. Dan minkejja li l-account tal-attur hu fost il-ftit accounts segwiti mit-Twitter uffiċjali tal-Kremlin li jiċċirkola l-informazzjoni bl-Ingliż u r-Russu.