Elezzjoni 2022 Lokali

Għada jibdew jinxteħtu l-ewwel voti fil-votazzjoni bikrija

Għada s-Sibt 19 ta’ Marzu fis-7am jibdew jinxteħtu l-ewwel voti f’din l-elezzjoni ġenerali.

Dawk li mhux se jkunu jistgħu jivvutaw fil-jum propju tal-votazzjoni nhar is-26 ta’ Marzu minħabba raġunijiet ta’ safar jew sptar għandhom iċ-ċans jivvutaw is-Sibt bejn is-7.00am u l-10.00pm fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar – fejn kien hemm it-Trade Fair.

Dawk eliġibbli biex jivvutaw fl-early voting kellhom ċans sal-Ġimgħa f’nofsinhar biex jirreġistraw.

Intant għal dawk li se jivvutaw fis-26 ta’ Marzu u għadhon ma ġabrux il-vot tagħhom, jistgħu jagħmlu dan mill-għassa tal-lokalità fejn wieħed huwa eliġibbli li jivvota. F’każ li mhemmx għassa fil-lokalita, il–vot jinġabar mill-Kunsill Lokali. Is-Sibt 19 ta’ Marzu il-vot jista’ jinġabar bejn it-8.00am u l-10.00pm, u l-Ħadd 20 ta’ Marzu bejn it-8.00am u 12.00pm. Min ma jlaħħaqx imur għall-vot sal-Ħadd 20 ta’ Marzu jkun fadallu l-aħħar ċans li jiġbru mit-Trade Fair Grounds fin-Naxxar, u f’Għawdex mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat, bejn it-Tnejn 21 ta’ Marzu u l-Ħamis 24 ta’ Marzu f’nofsilejl.

Maltin li huma rreġistrati biex jvvutaw f’Għawdex u jixtiequ jiġbru d-dokument tagħhom minn Malta jew viċi versa, Għawdxin li jivvutaw Malta u jixtiequ jiġbru d-dokument minn Għawdex stess għandhom jiktbu formalent lill-Kummissjoni Elettorali fuq maltagozo.electoral@gov.mt sa mhux aktar tard mis-6.00pm tal-Ħamis 24 ta’ Marzu.