Ambjent Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022 Transport

Gvern tal-PN se jaċċerta li t-trasport u l-ambjent jaħdmu id f’id

F’pajjiżna, it-traġitt minn post għall-ieħor sar problematiku u waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-PN spjega kif it-traffiku kien u għadu problema kbira, f’kull ħin tal-ġurnata u f’kull rokna tal-pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kandidati Toni Bezzina, Robert Cutajar u Rebekah Cilia, kien spjegat kif il-PN se jindirizza l-problema tat-traffiku mingħajr ma jinsa l-ambjent fejn dan is-settur mhux talli ma jitkissirx, imma talli jissaħaħ.

Toni Bezzina saħaq li l-PN se jindirizza din l-isfida billi jinċentivaw modi ġodda ta’ trasport waqt li jfassal sistemi ġodda u effiċjenti li jikkumplimentaw is-sistema ġdida ta’ trasport tal-massa tat-trackless tram.

Gvern ġdid tal-PN:

  • Itejjeb l-infrastuttura tat-trasport fuq il-baħar, għaċ-ċiklisti kif ukoll perkorsi pedonali għal min jagħżel li jimxi. It-trasport pubbliku fuq l-art ikunu jista’ jaħdem ma’ dawn il-modi differenti.
  • Jinvesti f’cycle lanes sikuri u faċilitajiet end-of-journey biex jitħajjru aktar persuni jivvjaġġaw permezz tar-rota, partikolarment minn u lejn ix-xogħol.
  • Jirrevedi u jadatta l-iskeda tat-trasport pubbliku biex jaqdi lil min juża s-servizz l-aktar fis-sigħat ta’ traffiku qawwi, b’mod partikolari għall-istudenti u dawk li jżuru l-morda fl-isptarijiet.
  • Jinċentiva lis-settur privat u lil min iħaddem biex jorganizza trasport komuni għall-impjegati tiegħu. B’hekk l-impjegati ma jkollhomx għalfejn jagħmlu użu mill-vettura tagħhom biex imorru x-xogħol, u jiffrankaw l-istress tat-traffiku u l-parkeġġ, u jaslu fil-ħin.
  • Joħloq parkeġġi b’diversi livelli taħt l-art ippjanati għal spazji miftuħa biex jilqgħu aktar għad-domanda dejjem tikber għall-parkeġġ.

Robert Cutajar saħaq li Gvern ġdid tal-Partit Nazzjonalista se jiggarantixxi li l-ambjent ikun settur ewlieni fit-twettieq tal-politka nazzjonali.

  • Żoni għal spazji miftuħa għat-tgawdija tal-familji u tal-pubbliku.
  • JItjieb l-aċċess tal-wifi fil-bus shelters u fuq il-mezzi tat-trasport pubbliku.
  • L-app diġital ‘Tallinja’ tibda tagħti aktar informazzjoni utli lill-passiġġieri li jużawha billi tagħti l-geo-location tal-vettura, kemm hemm postijiet disponibbli fiha kif ukoll jekk hijiex aċċessibbli. Din l-app se tkun konnessa ma’ metodi oħra tat-trasport bħall-fast ferry u l-apps ewlenin tar-ride hailing u car pooling.
  • Tiġi ġġenerata enerġija rinnovabbli mix-xemx mill-parkeġġi tagħna. Dan isir billi aktar parkeġġi eżistenti jikkonvertu f’solar car ports bl-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi li jipprovdu d-dell lill-vetturi pparkjati, bl-istess enerġija ġenerata tintuża fost l-oħrajn għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi.

Rebekah Cilia spjegat kif il-PN se jaċċerta’ li t-toroq ta’ pajjiżna jsiru b’mod tajjeb u mhux ikollhom jinqalgħu wara li jkunu diġa saru, fost ħafna aktar proposti li jinċentivaw l-użu ta’ metodi differenti ta’ trasport. Hi saħqet li qatt daqs illum m’hemm bżonn li x-xogħlijiet fit-toroq isiru b’mod kordinat u bi ppjanar fit-tul.

Dan għandu jwassal mhux biss biex ikollna toroq aħjar mibnija b’metodi ġodda li jservu aktar fit-tul, iżda wkoll biex ix-xogħlijiet isiru bl-anqas inkonvenjent possibbli għar-residenti li jgħixu fl-inħawi ta’ fejn isiru x-xogħlijiet u għal kull min juża r-rotot u t-toroq li jkun qed isir ix-xogħol fuqhom:

  • Sistema studjata u kordinata għal kull triq li ssir biex tiġi lokalizzata l-infrastruttura tas-servizzi kollha taħt wiċċ it-triq (mains tal-ilma u tad-drenaġġ, cables tad-dawl u servizzi oħrajn).
  • Pjan biex dawn l-istess mains u servizzi jilqgħu tajjeb għaż-żieda fid-domanda fil-futur. Dan japplika wkoll għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, charging points għall-vetturi elettriċi, telekomunikazzjoni u infrastruttura distrettwali għall-fornitura tal-gass f’zoni maħsuba minn qabel.
  • Il-PN jintroduċi wkoll aktar siġar u ħdura fl-ippjanar tat-toroq tagħna.
  • Implimentazzjoni ta’ sistema ta’ service ducts fin-network tat-toroq li minnhom jgħaddu s-servizzi kollha. Għaldaqstant f’każ ta’ ħsarat fis-servizzi ma jkunx hemm għalfejn jinqala’ l-wiċċ tat-triq, waqt li fihom tkun akkomodata l-mogħdija tas-servizzi li jitneħħew mill-faċċati tal-bini u tad-djar.
  • JItneħħew il-cables tad-dawl bi pjan fuq leġislatura mit-toroq residenzjali – xi haġa li l-Partit Laburista wiegħed iżda ma wettaqx.
  • Jinbnew water culverts fit-toroq il-ġodda biex l-ilma tax-xita, waqt li ma jibqax jgħerreq toroq u jostakola traffiku, jinġabar u jintuża b’mod adegwat.
  • Tiġi introdotta sistema ta’ dawl effiċjenti u intelliġenti fit-toroq b’mod li jnaqqas mill-konsum elettriku u mill-ispejjeż relatati.
  • Tiżdied l-aċċessibbiltà pedonali permezz ta’ bankini adegwati u adattati għal persuni b’diffikultajiet ta’ mobbiltà.
  • JIġi introdott programm ta’ spezzjonijiet kontinwi tat-toroq biex nassiguraw li jkunu fi stat tajjeb u miżmuma sewwa.