L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi — u li seħħet mingħajr l-ebda provokazzjoni – żiedet l-appoġġ fost il-poplu tal-Finlandja biex pajjiżhom jissieħeb ‘malajr kemm jista’ ikun’ fl-Alleanza tan-NATO.
L-appoġġ tal-Finlandiżi għal dan il-pass storiku potenzjali, fil-fatt, laħaq livelli rekord (64 fil-mija) – bl-istħarriġ nazzjonali qed juri qabża kbira fost il-Finlandiżi li qed jgħidu ‘iva għal futur fin-NATO’ wara li 53 fil-mija kienu esprimew l-istess fehma ftit tal-ġimgħat ilu.
Il-Finlandja qed taqsam l-akbar fruntiera tal-art mar-Russja minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Intant, il-Gvernijiet konsekuttivi f’Helsinki dejjem (sal-lum) żammew il-politika tan-newtralità u fejn il-pajjiż, mit-tmiem tal-Gwerra Bierda, żamm lura wkoll milli jissieħeb f’xi konflitt fost il-biża’ li ‘jipprovoka lil Moska’.
Sa ftit ilu, il-Prim Ministru tal-Finlandja Sanna Marin qalet li d-dibattiti fil-Parlament li trattaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ‘ma kenux intenzjonati bħala analiżi dwar jekk il-Finlandja għandhiex taddotta rwol militari aktar sinifikattiv’ fid-dawl taċ-ċirkustanzi.
Madankollu, il-President tal-Finlandja, Sauli Niinisto, żvela li pajjiżu għandu jevalwa mill-ġdid il-politika tas-sigurtà biex jiddeċiedi jekk il-Finlandiżi ‘ikunux aħjar fi ħdan in-NATO’.
Dan wara li l-invażjoni tal-Ukrajna mis-suldati tal-Kremlin xprunat ‘atteġġjament ġdid’ fost il-Finlandiżi li qed iħarsu b’mod aktar favorevoli lejn l-isħubija fl-Alleanza tal-Punent bħala deterrent kontra aggressjoni potenzjali min-naħa ta’ Moska.
Hu minnu wkoll li ħafna fost il-5.5 miljun ċittadini fil-Finlandja qegħdin iħossuhom vulnerabbli quddiem ‘il-pjani u strateġiji tar-reġim tal-President Russu Vladimir Putin’.
Fl-aħħar 20 sena, l-opinjoni pubblika dwar in-NATO kienet pjuttost stabbli fil-Finlandja, b’anqas minn 33 fil-mija taċ-ċittadini ‘jiffavorixxu’ futur fl-Alleanza – b’50 fil-mija jesprimu ruħhom kontra.
//= $special ?>