Numru ta’ osservaturi u analisti fil-Punent qed jaqblu li l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja ftit qed tagħmel progress u li l-Armata Russa spiċċat titlef ħafna aktar truppi, uffiċjali militari u makkinarju tal-gwerra milli kien mistenni fil-bidu tal-azzjoni.
Issa, istitut ta’ riċerka ( think tank) Amerikan bl-isem Institute for the Study of War qed jgħid li l-qawwiet Ukreni, fl-aħħar sigħat, komplew ‘iġiegħelu lir-Russi jħallsu prezz qares f’ħajja mitlufa’ fil-madwar ta’ Kiev, il-kapitali,u bliet oħra tal-Ukrajna.
Dan waqt li l-Armata Russa – minkejja l-bumbardamenti kontinwi fuq iz-zoni ċivili – ma kisbet l-ebda vantaġġ ċar fil-ġlied għall-kontroll tal-ibliet prinċipali Ukreni u meta l-gwerra, issa, dieħla fl-24 jum tagħha.
Filwaqt li bliet bħal Kharkiv, Chernihiv, Sumy u Mariupol għadhom iċċirkondati mill-qawwiet Russi (minbarra li suġġetti għall-bumbardamenti bla ħniena) ir-reżistenza tal-Ukreni għadha feroċi daqs qatt qabel. Dan waqt li l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed jikseb dejjem aktar appoġġ morali u materjali (fil-forma ta’ armamenti sofistikati) mingħand numru ta’ pajjiżi.
L-Ukrajna kkalkulat li nqatlu talanqas 14,200 suldat Russu mill-bidu tal-invażjoni – għalkemm l-Istati Uniti temmen li ċ-ċifra tat-truppi Russi maqtula kapaċi tkun aktar qrib is-7,000 jew 8,000. Madankollu hu minnu li l-qawwiet Ukreni qerdu kwantità enormi ta’ tankijiet, vetturi armati, ajruplani u helicopter gunships li kienu qed jieħdu sehem fl-offensiva ta’ Moska fuq pajjiżhom.
//= $special ?>

