Għalkemm mietu aktar residenti taħt l-attakki tar-Russi fuq il-belt ta’ Kharkiv, il-qawwiet Ukreni, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom jitfgħu lura lill-militar ta’ Moska li qed jipprova jieħu l-kontroll assolut tal-belt.
Filwaqt li l-balal u rokits għadhom neżlin fuq id-distretti ta’ Kharkiv pakkjati biċ-ċivili, l-osservaturi nnutaw li d-difiżi tal-Ukreni għal kontra l-attakki mill-ajru baqgħu effettivi. Dan fost rapporti li l-Ukreni rnexxielhom jeqirdu talanqas għaxar ajruplani tal-gwerra Russi matul il-jum tal-Erbgħa biss.
Il-Ministeru għad-Difiża Britanniku sostna li l-Armati ta’ Putin qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma’ diversi disfatti u fejn ‘qegħdin jisfugaw ir-rabja u frustrazzjoni maċ-ċivili Ukreni’. Fil-fatt — u skont l-aħħar aġġornamenti — il-qawwiet Ukreni madwar Kiev u Mykolaiv ” kienu qed jiffrustraw lir-Russi li kienu qegħdin jagħmlu minn kollox biex jiċċirkondaw dawn l-ibliet. “
Issa wkoll hemm l-indikazzjonijet li l-qawwiet tar-Russja setgħu ‘ħlew’ il-missili cruise kollha fl-ewwel 20 jum tal-invażjoni tal-Ukrajna.
//= $special ?>

