Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Putin isejjaħ għal ‘dinja mingħajr Nażiżmu’ waqt rally f’Moska

 Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, għadu kemm ikkonkluda rally tal-massa bil-ħsieb li jikkonsolida l-appoġġ tal-poplu għall-invażjoni tal-Ukrajna. L-avveniment — li fakkar lill-osservaturi fid-dimostrazzjonijiet tas-snin tletin li saru fil-Ġermanja waqt l-era ta’ Adolf Hitler — kien segwit minn eluf ta’ Russi li mlew l-istadium ta’ Luzhniki, f’Moska, fost it-tixjir tal-bnadar bl-ittra ‘Z’ li tissimbolozza ‘trijonf’ u ‘is-saħħa tar-Russja’.

Putin, waqt ir-rally, enfasizza l-impenn għal ‘dinja mingħajr Nażiżmu’. Dan meta hu kien qed ifakkar it-tmien anniversarju tar-referendum dwar il-Krimea u Sevastopol u r-reunifikazzjoni mar-Russja wara li l-qawwiet ta’ Moska kienu ħatfu l-kontroll fl-eks penisola Ukrena.

Sadanittant — u kuntrarju għal dak li qed iseħħ fil-verità — Vladimir Putin tkellem dwar ‘is-suċċess’ tal-invażjoni tal-Ukrajna li qed ikompli jirreferi għaliha bħala ‘kampanja militari speċjali’.

It-tema tar-rally kienet ‘mija-fil-mija’ favur il-gwerra wara li r-Russja bagħtet l-għexieren tal-eluf tat-truppi fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar, bl-iskop ( fi kliem il-Kremlin) li ‘teqred lill-elementi Nażisti f’dak il-pajjiż’.

U waqt li l-bombi baqgħu neżlin fuq l-Ukrajna, Putin ftaħar dwar ‘id-destin komuni tar-Russja u l-Krimea’ waqt li faħħar lir-residenti fil-Krimea talli kienu vvutaw biex isiru parti mir-Russja waqt ir-referendum.

Matul id-diskors, Vladimir Putin irrepeta kemm-il darba stqarrijiet foloz dwar in-neo-Nażisti fl-Ukrajna biex mill-ġdid jipprova jiġġustifika l-invażjoni — u minkejja li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, huwa Lhudi,. Hu minnu wkoll li l-partiti estremisti tal-lemin ma jgawdu kważi l-ebda appoġġ fl-Ukrajna.