Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“L-ambjent se jibqa’ prijorità assoluta għall-Partit Nazzjonalista” – Bernard Grech

Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed li l-ambjent se jibqa’ prijorità assoluta fil-viżjoni li għandu għal Malta u Għawdex.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu minn Karl Bonaci waqt il-programm Wiċċ imb’ Wiċċ fuq F Living Channel.

Bernard Grech qal li l-Partit Laburista kellu l-opportunità li jagmel it-tibdiliet fl-2013… iżda f’daawn l-aħħar disa’ snin pajjiżna spiċċa fuq il-lista l-griża, fost ħafna stejjer ta’ korruzzjoni oħra.

Huwa qal li għandna Prim Ministru li malli ħarġet fil-media l-istorja dwar ir-rabta bejnu u bejn Christian Borg, ħabbar elezzjoni ġenerali għax għandu x’jaħbi.

Dwar it-traffiku Bernard Grech qal li l-PN qed joffri alternattiva għat-trasport tal-massa… proġett ta’ trackless tram li jsir f’ħames snin, proġett li jiswa 2.8 biljun ewro li se jkun effiċjenti, fil-ħin u li mhux se jħalli impatt fuq l-ambjent ta’ madwarna. Huwa qal li l-viżjoni tal-PN għal dan is-settur hija waħda li permezz tagħha pajjiżna se jkollu trasport tal-massa li se jtaffi l-problema kbira li għandna tat-traffiku filwaqt li jitnaqqas l-ammont ta’ vetturi fit-toroq Maltin.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn qal li huwa fatt magħruf li l-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin ma tax każ lill-ambjent… fejn it-tkabbir ekonomiku sar a skapitu tal-ambjent ta’ madwarna. Huwa qal li għandna Prim Ministru li qal li mhux se joħloq setturi keonomiċi ħodda… għall-kuntrarju ta’ dan, Gvern ġdid Nazzjonalista se joħloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda li se joħolqu iktar xogħol b’pagi tajbin filwaqt li ma ssirx ħsara lill-ambjent ta’ madwarna.

Il-Kap tal-PN saħaq li min llum qiegħed fin-negozju tal-bini, taħt Gvern Nazzjonalista se jkollu l-opportunità li jinvesti f’dawn is-setturi ekonomiċi ġodda u pajjiżna jkun estetikament aħjar milli hu llum.

Dwar l-IVF, Bernard Grech qal li l-mediċina u s-servizzi se jkunu kollha b’xejn… anke għal dawk il-koppji li jmorru jagħmlu dan it-trattament barra minn xtutna. Gvern ġdidd Nazzjonalista se jara li dan it-trattament tal-IVF jasal għand kull min għandu bżonnu.

Huwa semma l-White Rocks… fejn Gvern ġdid Nazzjonalista jrid li din l-art pubblika, tkun riabilitata u mtejba u tingħata lill-poplu biex tkun park nazzjonali. Bernard Grech qal li art li tkun ODZ ma tistax tinbena jekk ma jkun hemm qbil bejn iż-żewġ terzi tal-Parlament.

Il-Kap tal-PN qal li pajjiżna għandu Gvern bla pjan… Robert Abela li m’għandux pjan anke għall-problema tal-għoli tal-ħajja. Gvern ġdid Nazzjonalista jrid li pajjiżna jkollu ekonomija b’saħħitha ħalli meta jinqalgħu l-problemi, pajjiżna jkun preparat. Partit Nazzjonalsita li se jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja u se joffri fond ta’ 40 miljun ewro sabiex tingħata għajnuna lin-negozji li kienu affaċjati miż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista jwiegħed li mhux se jiżdiedu t-taxxi, il-VAT u l-kontribuzzjonijiet soċjali. Apparti dan, it-taxxa se tkun qed tinżel minn 35% għal 25% għal kulħadd. Inċentivi oħra huma 25% żieda fl-istipendju tal-istudenti, u żieda ta’ 25% għal dawk l-istudenti li jieħdu sehem f’attivitajiet extra-kurrikulari fil-qasam tal-volontarjat.

Semma kif ilbieraħ kellna konferma oħra li Robert Abela kiel b’żewġt iħluq waqt li kien konsulent legali tal-MEPA. Kien jieħu 28,000 ewro fix-xahar u sa issa nafu b’żewġ okkażjonijiet li kumbinazzjoni wasslu biex qallgħuh l-eluf b’abbuż tal-pożizzjoni li kien jokkupa.  L-ewwel fil-każ ta Christian Borg, fejn daħal f’kuntratt għal biċċa art fil-jum li fih ħareġ il-permess tal-art li wara ċedieh lil allegat kriminal. Issa sirna nafu li għamel kuntratt għal villa ODZ ħamest ijiem wara li ħareġ il-permess li qatt ma messu ngħata.

Bernard Grech qal hemm bżonn li l-persuni jkollhom serħan tal-moħħ u huwa għalhekk li l-PN se jara li inti jkollok living income li permezz tiegħu l-persuni jkollhom ħajja iktar diċenti. Apparti dan se jkun hemm serviz ta’ tabib b’xejn u għajnuniet fil-mediċini.

Dwar il-kirjiet, il-Kap tal-PN qal li bil-liġi li għamel Robert Abela, spiċċa bagħat lil kulħadd il-Qorti. Partit Nazzjonalista qed jipproponi li filwaqt li s-sussidju jibqa’, dawk li sal-lum m’għandhomx għajnuna, il-PN se jkun qed jagħtihom l-għajnuna li għandhom bżonn. Il-viżjoni li għandu l-PN hija viżjoni li permezz tagħha inti se tgħix aħjar.

Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed li l-Korpi Dixxiplinati li jridu jibqgħu fil-professjoni tagħhom, jieħdu l-paga tal-livell li jinsabu fih u jieħdu l-pensjoni wkoll filwaqt li jibqgħu javvanzaw f’xogħolhom.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex kemm il-missier kif ukoll l-omm igawdu lit-tfal tagħhom u vici versa. Dan sabiex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu.

Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jgħin fid-depożitu ta’ 10% sabiex kulħadd ikun jista’ jixtri l-proprjetà tiegħu. Apparti dan se jkun qed jingħata wkoll inċentiv lil dawk li jridu jbiegħu l-proprjetà tagħhom. Proposta oħra hi li lil dawk in-nies li jirtu proprjetà, ma jħallsux taxxa tas-suċċessjoni.

Il-Kap tal-PN qal li f’idejhom, in-nies għandhom ċavetta li permezz tagħha jistgħu jagħmlu pajjiż ħafna aħjar milli hu.