“Jien jinteressani l-valur tiegħek. Jekk jien intik kelma, jien inżommha, miegħek se nwettqu il-viżjoni li għandna għal Malta.” – Hekk saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politka fl-Imdina li fiha tkellmu l-kandidati tal-PN fuq il-11-il distrett.
Bernard Grech kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għal Malta fejn matul dan id-diskors għamel aċċen partikolari għall-proposti tal-PN fil-qasam tas-saħħa. Hu semma’ kif Gvern ġdid tal-PN se jagħti appoġġ usa’ lill-anzjani fejn tidħol l-ispiża tal-mediċini li bħalissa mhux parti mill-formularju tal-Gvern.
Jekk jingħata l-fiduċja, il-PN se jsaħħaħ il-qafas tal-prevenzjoni u l-kura għad-dijabete taħt il-kappa ta’ strateġija nazzjonali kontra l-kundizzjoni. Dan filwaqt li jingħataw il-Continuos Glucose Monitors lill-pazjenti dijabetiċi type 1. Bernard Grech spjega wkoll kif ser jingħataw l-istrippi tal-monitoraġġ b’xejn filwaqt li jiżdiedu aktar Diabetic Nurses fl-isptarijiet u l-komunità.
Il-Kap tal-PN spjega li biex tittaffa l-ispiża li jiffaċċjaw pazjenti celiac, Gvern immexxi minnu ser iżid l-assistenza minn €45 għal €180 fix-xahar biex jintużaw fi prodotti speċjali li jkunu kostretti jixtru minħabba l-kundizzjoni tagħhom.
Il-PN se jinvesti fit-tisħiħ tar-riżorsi, l-apparat, it-trattament u l-mediċini neċessarji biex jingħata servizz aktar komprensiv u personalizzat lil pazjenti li jsofru b’kundizzjonijiet, li ser jibdew jitqiesu bħala kroniċi. Dawn fosthom li jimpattaw serjament il-ħajja tal-pazjenti bħal multiple sclerosis, l-ME/CFS u l-fibromyalgia kif ukoll dawk li jkollhom bżonn l-aċċess għas-servizzi tal-Pain Clinic.
Bernard Grech spjega wkoll proposti li l-PN għandu għall-kundizzjonijiet tal-ADHD, Awtiżmu, dyslexia u diversi diffikultajiet oħrajn li kif spjega l-Kap tal-PN ser ikun qed jgħinhom biex jaffrontaw il-ħajja. Ser tiżdied ukoll l-għajnuna finanzjarja għat-terapija kif ukoll ċertezza li tingħata l-mediċina li suppost u fil-ħin.
Il-Kap tal-PN saħaq li dawn il-proposti huma parti minn kullana ta’ proposti li l-PN ilu joħroġ sa minn sena ilu, fosthom dawk tat-turiżmu u tal-enerġija li ilhom tħabbru madwar 12-il xahar. Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-costings tal-programm elettorali tal-PN u saħaq li dawn ser joħorġu meta jkun il-waqt għaliex hemm pjan serju ta’ kif se jitmexxa dan il-pajjiż b’viżjoni sas-sena 2030.
Intant, Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-iskandli li qed ikomplu joħorġu fil-konfront ta’ Robert Abela, li l-Prim Ministru qed jibqa’ jaħrab milli jwieġeb dwarhom. Dan wara li qed joħorġu aktar stejjer li juru kif Robert Abela abbuża mill-poter. Il-Kap tal-PN saħaq li l-Partit Laburista għaddej b’kampanja ta’ offerti ta’ jobs u aktar, biex jisirqu l-vot “għaliex Robert Abela jrid rebħa ikbar minn ta’ Joseph Muscat.”
Matul id-diskors tiegħu Bernard Grech irringrazzja lil Simon Busuttil u Adrian Delia tal-ħidma tagħhom għall-partit u għall-pajjiż. Hu sellem lill-ġurnalisti ta’ pajjiżna u sellem ukoll il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>